Raġel ta’ 68 sena miż-Żurrieq b’rekord kriminali “oħxon daqs ktieb” inżamm arrestat is-Sibt wara li wieġeb mhux ħati li hedded maġistrat u numru ta’ uffiċjali tal-pulizija aktar kmieni din il-ġimgħa. Joseph Zahra ċaħad li hedded lill-membru tal-ġudikatura, li ismu ma jistax jiġi ppubblikat b’ordni tal-qorti.
Il-każ seħħ nhar l-Erbgħa. Huwa ċaħad ukoll li seraq mobile f’Diċembru li għadda. L-Ispettur Kevin Pulis qal lill-Maġistrat Demicoli li seħħ inċident ieħor nhar il-Ġimgħa, meta Zahra deher quddiem il-Maġistrat Monica Vella fuq każ separat.
Zahra kien qed ikun arroganti fl-awla, bil-maġistrat twissih biex joqgħod kwiet. Huwa ma obdiex dawn l-ordnijiet u l-maġistrat sabitu ħati ta’ disprezz lejn il-qorti darbtejn, u mmulta b’kollox €2,000, li trid tiħallas fi żmien ġimgħa. Il-kwistjoni eskalat u Zahra ġie mitfugħ barra mill-awla fejn kompla jgħajjat, jidgħi u jhedded lill-uffiċjali tal-pulizija.
L-Ispettur Pulis qal li Zahra kien “perikolu għas-soċjetà” u b’mod ċar injora kull ordni mogħtija lilu mill-pulizija jew xi persuna oħra ta’ awtorità. Iż-żewġ inċidenti li fuqhom kien qed jiġi mixli seħħew ġewwa l-qrati tal-liġi. Qal li Zahra kellu rekord kriminali ta’ 47 paġna, b’reati kollha mill-1963 quddiem kull membru possibbli tal-ġudikatura immaġinabbli. “Deher quddiemhom kollha imma xorta jagħmel li jrid. Suppost qed jiffirma fuq żewġ kotba fl-Għassa tal-Pulizija fuq każijiet separati iżda jiffirma wieħed minnhom biss. Dan hu diżrispett lejn il-qorti,” qal l-ispettur.
Każ ta’ identità żbaljata?
L-avukat tal-akkużat, Leslie Cuschieri, qal li l-pulizija kellha rekord kriminali żbaljat għax għqditu ma’ tal-klijent tiegħu, ta’ missieru mejjet, li jismu ukoll Joseph. “Qed tgħid li l-ewwel każ kien fl-1963 meta l-klijent tiegħi kellu 10 snin. Il-pulizija jafu b’dan l-iżball amministrattiv, iżda ħadd ma rranġah,”.
Cuschieri qal li l-inċident tal-Ġimgħa eskala biss għax il-pulizija insistiet li tpoġġi l-manetti meta jafu biċ-ċar li kellu bżonn juża l-krozzi tiegħu biex jimxi. “Hu għalhekk li l-affarijiet eskalaw, għax kien qed jgħid lill-pulizija li jaqa ‘jekk ipoġġuh fl-manetti.”.
L-avukat qal li l-klijent tiegħu qabżitlu u sabha diffiċli biex jikkontrolla lilu nnifsu. Qal li diġà nstab ħati ta’ disprezz tal-qorti fuq l-inċident tal-Ġimgħa u għalhekk kien qed jiġi akkużat darbtejn dwar l-istess reat, li kien illegali u bi ksur tad-drittijiet umani tiegħu.
Fir-rigward tal-inċident tal-Erbgħa, huwa nstab ukoll disprezz tal-qorti u mmultat €400. Cuschieri talab il-ħelsien mill-arrest għall-klijent tiegħu, u qal lill-maġistrat li kellu numru ta’ annimali fir-razzett tiegħu f’Birżebbuġa li kellu bżonn jitma’.
Il-Maġistrat Demicoli ċaħdet it-talba peress li l-akkużat ma joffriex il-garanziji meħtieġa. Hija iżda ġibdet l-attenzjoni tal-awtoritajiet tal-ħabs biex jiżguraw li l-akkużat jittieħed regolarment biex jitma’ l-annimali tiegħu. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet ukoll l-Ispetturi Gabriel Micallef u Kurt Farrugia.
//= $special ?>