Fl-uniku konfront tal-ogħla kampjonat li ntlagħab ilbieraħ, Arsenal għelbu lil Aston Villa,1-0, barra minn darhom biex għamlu pass importanti lejn kwalifikazzjoni għaċ-Champions League għall-ewwel darba f’ħames snin. Sadanittant, il-manager ta’ Arsenal, Mikel Arteta, faħħar id-determinazzjoni u l-karattru li wrew il-plejers tiegħu biex ħarġu bit-tliet punti minn Villa Park …Riżultat li jpatti għaż-żewġ telfiet (fil-league) li l-Gunners kienu sofrew f’dan il-grawnd fl-aħħar żewġ staġuni.
Fil-fatt, il-gowl ta’ Bukayo Saka, skurjat wara nofs-siegħa logħob, kien biżżejjed biex jaċċerta r-rebħa għall-Gunners li wieġbu bl-aħjar mod għat-telfa ta’ jiem ilu ma’ Liverpool fl-Emirates Stadium. L-azzjoni deċiżiva waslet meta, wara nuqqas ta’ komunikazzjoni bejn id-difensuri ta’ Villa, Saka ittanta xortih b’xutt fil-baxx minn tarf il-kaxxa, bil-ballun jegħleb lill-gowlkiper Martinez li wkoll kellu xi ftit tort f’din l-azzjoni. Il-Villains tjiebu wara l-mistrieħ u marru qrib meta x-xutt imxellef ta’ Ollie Watkins ħabat mal-parti ta’ barra tal-lasta – bis-sostitut ta’ Watkins, Danny Ings, jara d-daqqa ta’ ras tiegħu tfalli l-bersall bi ftit.
Villa, imbagħad, irrankaw il-pressjoni fl-aħħar ħinijiet iżda d-difiża tal-Gunners baqgħet tiddefendi r-riżultat għas-sitt rebħa tagħhom mill-aħħar seba’ logħbiet. B’hekk ukoll, Arsenal ikkonsolidaw ir-raba’ post fil-Premier League fejn fetħu vantaġġ ta’ erba’ punti fuq Manchester United – u meta l-Gunners anki lagħbu logħba anqas mir-Red Devils.
PREMIER LEAGUE
Illum: Aston Villa v Arsenal 0-1 Għada: Leicester v Brentford 3.00pm, Tottenham v West Ham 5.30pm
//= $special ?>