Sport Waterpolo

Dino Zammit jispikka fl-ewwel konfront dirett li jmur għal Sliema

Rebħiet importanti għal Sirens u Birżebbuġa

Rapport: Stewart Said

F’temp tipikament xitwi, b’riħ qawwi kontinwament u ħalbiet tax-xita kultant, intemmet l-ewwel fażi tal-Kampjonat tax-Xitwa ta’ din is-sena. L-ewwel tliet timijiet minn kull grupp se jkomplu fil-Kampjonat Premier filwaqt li l-ħames timijiet l-oħra se jiffurmaw l-Ewwel Diviżjoni.

Ta’ min wieħed jinnota li r-riżultati miksuba fil-grupp kontra t-timijiet li se jilagħbu fl-istess diviżjoni jibqgħu jgħoddu. Dan ifisser li fil-Kampjonat Premier, Sliema se jkollhom sitt punti, Neptunes u Birżebbuġa se jkomplu b’erba’ punti, San Ġiljan bi tliet punti filwaqt li Exiles u Sirens jinsabu mingħajr punt. Fl-Ewwel Diviżjoni, Valletta se jkollhom sitt punti segwiti minn Marsaskala bi tliet punti, Ta’ Xbiex u Otters b’punt u Barracudas mingħajr punt.

BIRŻEBBUĠA FREEPORT……. 9

EXILES…………………………….. 7

(1-2), (2-1), (2-3), (4-1)

Il-mument pożittiv ta’ Birżebbuġa Freeport reġa’ ġie kkonfermat. It-tliet punti li kisbu f’din il-logħba huma importanti għaliex se jġorruhom magħhom fit-tieni fażi minħabba li l-avversarji wkoll se jkomplu fil-Kampjonat Premier. Exiles jistgħu jħossuhom diżappuntati li ħarġu mil-logħba b’idejhom vojta hekk kif kellhom il-vantaġġ f’diversi mumenti tal-logħba iżda ma għarfux iwieġbu għar-reazzjoni ta’ Birżebbuġa fl-aħħar sessjoni.

Iż-żewġ timijiet ikkanċellaw lil xulxin fl-ewwel nofs tal-logħba. Exiles kellhom vantaġġ ta’ 5-4 fit-tielet sessjoni u wara li David Cutajar ġab id-draw fl-aħħar minuta, kien David Fenech li ħalla lit-tim ta’ Aurelien Cousin minn fuq. Mark Fenech saħansitra għamilhom 7-5 fil-bidu tal-aħħar sessjoni. Kien hawn li Birżebbuġa stenbħu u rnexxielhom idawru l-vantaġġ favurihom, b’Gabriel Sammut jagħlaq il-logħba b’gowl fl-aħħar sekondi.

Birżebbuġa: M. Sladden, J. Farrugia, N. Cassar (1), B. Grech (1), C. Mifsud (1), R. Mock, G. Mannino (1), D. Cutajar (2), K. Tanti (2), R. Spiteri, M. Curmi, C.D Borg, G. Sammut (1)

Exiles: M. Castillo, N. Saliba, S. Apap, P. Paris, L. Pursehouse, S. Xerri de Caro (1), M. Fenech (1), K. Griscti (1), N. Paris, J. Bajada, M. Aquilina (3), D. Fenech (1), G. Borg, L. Gialanze, M. Martellacci

Referees: Alex de Raffaele, Peter Balzan

M’SKALA FISH AND FISH…… 4

SIRENS MECCA MARIN……… 8

(1-5), (2-1), (1-1), (0-1)

Sirens Mecca Marin aċċertaw posthom mal-ewwel sitta b’rebħa fil-konfront deċiżiv. Id-differenza għamluha fl-ewwel sessjoni, hekk kif irnexxielhom jiksbu vantaġġ komdu li amministrawh tul il-logħba. Il-kundizzjonijiet tal-maltemp ma għamilx il-ħajja tal-plejers faċli, b’riħ qawwi li ħakem il-Pixxina Nazzjonali.

Sal-ewwel nofs tal-ewwel sessjoni, Sirens kellhom vantaġġ ta’ 4-1, b’Ken Erdogan jiskorja tlieta minnhom. Marsaskala pruvaw jidħlu fil-logħba fit-tieni sessjoni u permezz ta’ żewġ gowls minn man-up, naqqsu d-distakk għal 6-3. It-tielet sessjoni kienet pjuttost kwieta, b’man-up wieħed biss li ġie skorjat minn Jake Ciantar fl-aħħar minuta, iżda John Napier ħalla d-distakk ta’ tliet gowls. Jacob Sciberras issiġilla r-rebħa għal Sirens fl-aħħar sessjoni.

Marsaskala: J. Micallef, A. Camenzuli, P. Privitera, R. Greco, G. Galea, K. Navarro, M. Manara, D. Pace Lupi (1), G. Sammut (1), J. Ciantar, M. Carani (1), A. Muscat, L. Falzon (1)

Sirens: T. Micallef, P. Serracino, K. Erdogan (3), J. Sciberras (1), J. Zerafa Gregory, M. Aquilina, M. Chircop, I. Riolo (1), J. Napier (1), M. Cutajar, M. Sciberras (2), I. Azzopardi, M. Bonello Dupuis, K. Agius,

Referees: Stefan Licari, Richard Magri

SAN ĠILJAN MERCURY…….. 5

SLIEMA FRANK SALT……….. 8

(2-3), (0-3), (1-1), (2-1)

L-ewwel kolp għal Sliema Frank Salt. F’dak li kien l-ewwel konfront dirett bejn it-tliet favoriti, is-Slimiżi ħarġu rebbieħa meritatament. Il-kowċ Beto Fernandez kellu kważi t-tim kollu għad-dispożizzjoni. B’eċċezzjoni ta’ Jamie Gambin, irritornaw Liam Galea, Benji Cachia u Matthew Mifsud. Mhux l-istess jista’ jingħad għal San Ġiljan li kienu mingħajr Andreas Galea, Ben Plumpton, Jake Bonavia u Nicholas Bugelli.

Bidu pożittiv għal San Ġiljan li kisbu l-vantaġġ darbtejn iżda Sliema wieġbu fiż-żewġ okkażjonijiet u Zach Mizzi poġġiehom minn fuq b’gowl fl-aħħar azzjoni tas-sessjoni. Sliema kisbu l-vantaġġ li bidel l-andament tal-logħba fit-tieni sessjoni. Permezz ta’ gowls minn Daniel Rizzo, Jerome Gabarretta u Dino Zammit, fetħu vantaġġ ta’ 6-2.

Dino Zammit ikkastiga lill-eks tim tiegħu, bil-gowl tas-7-3 fit-tielet sessjoni u t-8-3 fl-aħħar sessjoni. B’hekk u qata’ kull tama tal-Ġiljaniżi li jirkupraw hekk kif il-gowl ta’ Matthew Zammit kien inutli biex jibdew rimonta.

San Ġiljan: J. Tanti, P. Borg, D. Fero, R. Caruana, M. Zammit (1), M. Ortoleva (1), D. Tully, K. Grech, N. Zammit (2), Da. Zammit (1), N. Schiavone, G. Vassallo

Sliema: N. Grixti, J. Gabarretta (1), L. Galea (1), D. Rizzo (1), M. Meli, B. Cachia, J. Cutajar, M. Mifsud, J. Brownrigg, K. Borg, Z. Mizzi (1), Di. Zammit (4), A. Theuma

Referees: Peter Balzan, Alex de Raffaele

Kif spiċċaw l-Ewwel Fażi

Grupp A

                             L       R       D       T       F       K       Pti

Neptunes            5        4        1        0        55      25      13

Birżebbuġa          5        4        1        0        55      40      13

Exiles                   5        3        0        2        51      35      9

____________________________________________________________________________

Valletta                5        2        0        3        48      43      6

Ta’ Xbiex             5        0        1        4        36      58      1

Otters                  5        0        1        4        20      64      1

Grupp B

                             L       R       D       T       F       K       Pti

Sliema                  4        4        0        0        70      14      12

San Ġiljan            4        3        0        1        48      20      9

Sirens                   4        2        0        2        43      37      6

____________________________________________________________________________

Marsaskala           4        1        0        3        38      42      3

Barracudas           4        0        0        4        11      97      0

Logħob li jmiss

It-Tlieta

Barracudas v Valletta     6.30pm

Exiles v San Ġiljan         7.35pm

L-Erbgħa

Ta’ Xbiex v Marsaskala  6.30pm

Birżebbuġa v Sliema       7.35pm

Neptunes v Sirens           8.40pm