Lokali

Esperti fil-proprjetà għandhom suspetti f’Robert Abela

“Din l-art jew ingħatatlu rigal, jew hemm xi ħaġa suspettuża ħafna.”

Hekk sostnew aġenti tal-proprjetà esperti f’dan il-qasam ma’ The Shift News dwar ix-xiri tal-proprjeta fiż-Żejtun minn Robert Abela u martu Lydia. Żewġ tomniet art, f’art ODZ li Abela xtrahom għal €600,000 biss – meqjus mill-esperti bħala bargain kolossali.

Huma saħqu li dan id-deal għandu bżonn jiġi investigat bir-reqqa għax jekk mhux rigal mis-sidien preċedenti, hemm diversi fatturi li jista’ jkun ġara…fosthom xi ħadd prova jevità milli jħallas it-taxxa.

Dan hekk kif lura fl-2017 proprjetà bħal din kienet tiswa minn tal-inqas €2 miljun.

Huma saħqu li l-valur tal-proprjetà ġeneralment jitnaqqas daqshekk sabiex min jixtri l-proprjetà ma jħallasx taxxa tal-boll…u d-differenza jgħaddiha lil min qed ibiegħlu il-proprjetà fi flus kontanti mhux dikjarati.

Ironikament, meta mistoqsi dwar jekk ħallasx għal proprjetà bi flus kontanti…Abela ma ċaħadx.

Dan filwaqt li l-Kummissarju tat-Taxxi qed jirrifjuta li jagħti dettalji dwar xogħol ta’ evalwazzjoni indipendenti li kellu jagħmel dwar ix-xiri ta’ żewġ tomniet art li għamel Robert Abela f’art ODZ fiż-Żejtun.

The Shift News spjega wkoll li l-Kummissarju tal-Indland Revenue qiegħed jirrifjuta wkoll jiżvela jekk Robert u Lydia Abela għandhomx taxxa tal-boll mhux dikjarata.

Dan filwaqt li Abela qiegħed jaħrab għal kollox milli jwieġeb domandi sabiex jippubblika r-rapport tal-Kumissarju b’rabta max-xiri ta’ din il-proprjetà, ma jridx lanqas isemmi min kien l-arkitett tal-Gvern responsabbli u wisq inqas jikkonferma jekk il-Kummissarju tal-Indland Revenue fl-aħħar mill-aħħar għamilx assessment.

Ta’ min wieħed ifakkar li Robert u Lydia Abela iffirmaw il-kuntratt tal-proprjetà fiż-Żejtun, fuq art ODZ, ħamest ijiem biss wara li ġew irranġati l-illegalitajiet kollha li kellha din il-proprjetà u mħallsa multa ta’ €45,000.

Ta’ min wieħed ifakkar ukoll li Abela xtara din il-proprjetà mingħajr ma’ għamel self mal-bank.

Din mhux l-ewwel darba li l-ġid inspjegabli ta’ Abela spiċċa fuq l-aħbarijiet.

B’farmhouse oħra x-Xewkija kif ukoll il-famuż yacht li kulħadd kellu l-pjaċir jammira fl-eqqel ta’ mewġa minnhom tal-Covid – yacht li jiswa mat-€300,000 u jeħtieġlu l-eluf ta’ ewro biex jitmantna.

Iżda fl-aħħar dikjarazzjoni tal-assi tiegħu, il-Mexxej tal-Labour saħaq li m’għandu ebda self ma ebda bank.

Matul is-snin bosta rrapportaw il-kuntratti kbar li kienet tirċievi l-koppja Abela taħt Gvern Laburista b’eluf ta’ ewro mill-ARMS f’konsultazzjonijiet għal Lydia Abela, u b’madwar €28,000 fix-xahar minn kuntratt wieħed għal Robert Abela għal konsultazzjonijiet legali mal-Awtorità tal-Ippjanar.

Bla ma trid tispiċċa tistaqsi – x’kuntratti miljunarji kellhom aktar Robert u Lydia Abela?  U kif art li tiswa minn tal-inqas €2,000,000 …spiċċaw ħaduha għal inqas minn nofs dak il-prezz?

Minn xiex qed jibża’ Robert Abela? Mill-istess destin tal-predeċessur tiegħu?