Lokali

“Fl-elezzjoni se nagħżlu t-tip ta’ Gvern li rridu imma anke t-tip ta’ poplu li rridu nkunu” – Simon Busuttil

“Permezz tal-vot tagħna ta’ nhar is-Sibt, aħna se nkunu qed nagħżlu x’tip ta’ Gvern irridu li jmexxina, imma se nkunu qed nagħżlu wkoll x’tip ta’ poplu rridu nkunu”.

Dan qalu l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, waqt il-maratona ġbir ta’ fondi li għaddejja bħalissa fid-Dar Ċentrali.

Busuttil tkellem fuq il-ħidma tiegħu bħala Segretarju Ġenerali tal-Partit Poplari Ewropew li l-Partit Nazzjonalista jagħmel parti minnu. Huwa qal li filwaqt li fl-Ukrajna għaddejja gwerra tal-waħx, u gwerra li qed tħalli ħafna vittmi, din hija gwerra li tista’ tinbidel f’waħda dinjija.

Simon Busuttil qal li hu għalhekk li rridu nieħdu wkoll il-vot ta’ nhar is-Sibt anke f’dan il-kuntest u nistaqsu lilna nfusna lil min nistgħu nafdaw bit-tmexxija tal-pajjiż u li jista’ jissalvagwardjana mill-inġustizzji.

Huwa tkellem dwar il-kredibilità tal-PN fl-Ewropa u qal li l-PN tant hu fdat fl-Ewropa li f’Jannar l-MEPs taw il-fiduċja tagħhom lill-MEP Nazzjonalista Roberta Metsola bit-tmexxija tal-Parlament Ewropew.