Elezzjoni 2022 Kunsilli Lokali Lokali

Iċ-Chief of Staff ta’ Herrera titkellem mal-MTA biex il-logħob tan-nar isir qrib ristorant ta’ qaribha

Iċ-Chief of Staff ta’ Jose Herrera abbużat mir-relazzjoni tagħha ma’ dak li matul il-leġislatura li għaddiet kien il-Ministru tal-Kultura biex il-parti tal-Festival tal-Logħob tan-Nar ippjanata għal Marsaskala tkun trasferita għall-Bajja ta’ San Tumas, qrib il-post fejn qraba diretti tagħha għandhom ristorant.

L-intenzjoni ta’ Janice Falzon, il-Viċi Sindku ta’ Marsaskala, lanqas ma sabet l-appoġġ ta’ sħabha stess fl-istess Kunsill Lokali, li qed itennu li – wara li twaqqaf il-proġett li kien ippjanat għal Marina fil-Bajja ta’ Marsaskala – ma jistax ikun li l-Kunsill stess jaċċetta li l-logħob tan-nar fl-aħħar ta’ April jinħaraq minn post ieħor fl-istess lokalità.

Wara li din is-sitwazzjoni kienet diskussa fil-laqgħa tal-Kunsill Lokali tat-Tnejn li għadda, Skalin li għamlu kuntatt ma’ NET News qalu li l-intenzjoni ta’ Falzon mhijiex fl-interess tar-residenti, iżda tal-qraba tagħha biss minħabba r-ristorant li għandhom fiz-zona tal-Bajja ta’ San Tumas.

Jirriżulta li Falzon kellha laqgħat ma’ rappeżentanti tal-Awtorità tat-Turiżmu minn wara dahar sħabha tal-Kunsill, f’dak li qed ikun meqjus bħala kunflitt ċar ta’ interess. Anke s-Sindku ta’ Marsaskala, Mario Calleja, iddikjara matul il-laqgħa li l-proposta tal-Viċi tiegħu ma tagħmilx sens.

Tant kien hemm oppożizzjoni mill-Kunsill Lokali Laburista li l-Kunsill bagħat email lill-Awtorità tat-Turiżmu biex itenni li l-ispettaklu tan-nar isir fil-Bajja ta’ Marsaskala. Il-Kunsill spjega li jekk il-logħob tan-nar isir fil-Bajja ta’ Marsaskala jkun jista’ jitgawda mill-maġġoranaz tar-residenti u l-ħwienet għax hi fil-qalba tal-lokalità.

Barra minhekk, il-Kunsill jemmen li għandha tkompli jissaħħaħ il-prinċipju li Marina m’għandhiex issir f’din il-Bajja prinċipali propju minħabba attivitajiet bħal dawn u bħall-ħruq tan-nar fil-Festa tal-lokal.