Ir-regoli stretti ta’ vjaġġar li daħħal il-Gvern għat-turisti li jiġu f’pajjiżna huma l-fatturi prinċipali għaċ-ċifri inkwetanti fil-wasliet ta’ turisti fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, ċifri li juru li pajjiżna għandu l-agħar rata ta’ rkupru fit-turiżmu fin-naħa t’isfel tal-Mediterran.
Hekk stqarr il-Kap Eżekuttiv tal-istess ajruport, Alan Borg, f’kummenti li taha lill-ġurnal Times of Malta, meta nnega dak li qalu l-Awtoritajiet tas-Saħħa li r-restrizzjonijiet stretti ma kinux l-unika raġuni għalfejn pajjiżna qiegħed jirreġistra ċifri baxxi fit-turiżmu mill-bidu tal-pandemija, mingħajr ma qalu x’kienu r-raġunijiet l-oħra.
Alan Borg qal li r-restrizzjonijiet għat-turisti biex jidħlu f’pajjiżna serrqu x-xena internazzjonali għar-raġunijiet l-ħżiena għaliex bl-inċertezzi li ħoloq il-Gvern, dawn ħarbtu l-pjanijiet ta’ vjaġġar tal-Maltin kif ukoll tat-turisti u wassluhom biex joqogħdu lura milli jagħmlu l-arranġament biex jivvjaġġaw bil-quddiem.
Jekk l-awtoritajiet tas-saħħa se jibqgħu jirreżistu milli jibbilanċjaw ir-restrizzjonijiet madwar l-Ewropa, il-Gvern se jkompli jpoġġi lil Malta fi żvantaġġ sinjifikanti meta mqabbel ma’ destinazzjonijiet oħrajn fl-Ewropa.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Ajurport Internazzjonali qiegħed ibassar kompetizzjoni ħarxa fit-turiżmu madwar l-Ewropa fis-sajf li ġej u huwa għalhekk li l-awtoritajiet tas-saħħa għandhom ineħħu r-restrizzjonijiet tal-COVID-19 b’rabta mal-ivvjaġġar, li jmorru kontra l-ispirtu tal-Unjoni Ewropea li tiffaċilità l-moviment ħieles bejn l-istati membri.
//= $special ?>