Is-sitwazzjoni f’Mariupol qed issir dejjem aktar iddisprata meta l-qawwiet tar-Russja, fl-aħħar sigħat, irnexxielhom jegħlbu uħud mid-difiżi tal-Ukreni biex jaslu eqreb iċ-ċentru ta’ din il-belt tal-port importanti.
U filwaqt li t-truppi ta’ Moska qed jissikkaw il-morsa fuq Mariupol, iggravat s-sitwazzjoni ta’ ħafna ċivili Ukreni li spiċċaw maqbudin taħt it-tifrik ta’ teatru li kien ibbumbardjat ftit tal-jiem ilu. Fl-aħħar sigħat, kien għaddej ġlied qalil fit-toroq tal-belt fejn id-difensuri Ukreni kienu qed jirreżistu l-avvanzi tat-truppi tal-Kremlin, megħjuna minn gruppi ta’ ġellieda miċ-Ċeċenja.
Il-battalji kontinwi qed ifixklu l-isforzi biex isalvaw lin-nies iżolati fis-sezzjonijiet taħt l-art tat-teatru li kien qed iservi bħala xelter għaċ-ċivili. Dan fost is-sitwazzjoni umana katastrofika f’Mariupol fejn sa 300,000 ċivili ma jistgħux joħorġu mill-ibnadi, fost il-bumbardamenti kontinwi.
Il-battalja għall-kontroll ta’ Mariupol hi fost l-aktar kruċjali f’din il-gwerra għaliex jekk taqa’ lill-qawwiet Russi, dawn ikunu kisbu suċċess kbir li jgħin ħafna l-istrateġiji militari ta’ Moska. Dan waqt li l-qawwiet Ukreni qed jagħmlu minn kollox biex iżommu l-pożizzjonijiet tagħhom quddiem għadu li jgawdi superjorità netta f’numri ta’ suldati u armamenti.
//= $special ?>