Internazzjonali

IL-Gwerra tal-Ukrajna: Ir-Russja qed tkompli tqarreb liċ-Ċina

Il-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin, Sergei Lavrov, qal li r-relazzjonijiet ta’ pajjiżu maċ-Ċina għandhom jissaħħu b’riżultat tas-sitwazzjoni ġeopolitika attwali.

Dan wara li l-President tal-Istati Uniti, Joe Biden, wissa lil-President Ċiniż, Xi Jinping dwar ‘il-konsegwenzi għaċ-Ċina’ f’każ li Beijing jipprovdi l-appoġġ lir-Russja għall-gwerra fl-Ukrajna. Mifhum li Xi Jinping qal li ‘il-gwerra mhi fl-interess ta’ ħadd’ iżda l-Mexxej Ċiniż ma jidhirx li kkritika, f’xi ħin, lill-President Russu Vladimir Putin.

Intant, Lavrov akkuża lill-Punent b’li qed ‘ikisser il-bażi li fuqha qed tistrieħ is-sistema internazzjonali’ fost ir-rapporti li r-Russja qed titlob liċ-Ċina għal tagħmir militari bħala appoġġ għat-truppi ta’ Moska fl-Ukrajna.