Lokali

AĠĠORNATA (2): it-tanker f’Baħar iċ-Ċagħaq maqbud f’cables tal-Interconnector

Net News jinsab infurmat bi żvilupp ieħor fis-sitwazzjoni fil-baħar qrib Baħar iċ-Ċagħaq.

Jidher li l-ankra tat-tanker li nġarr mill-baħar wara li żviluppa problemli tekniċi hija maqbuda mal-cables tal-Interconnector.

Il-kundizzjonijet tal-baħar huma tali li jagħmluha impossibblli li jsir xogħol biex l-ankra tinqala’ minn mal-cables.

Aktar kmieni

Żewġ tugboats, is-St Elmo u Spinola jinsabu fl-ibħra viċin il-kosta ta’ San Pawl il-Baħar fejn bħalissa t-tanker Chem P qed jitkaxkar bla kontroll mill-baħar qawwi.

F’operazzjoni diffiċli immens u delikata, jidher li t-tugboats qed jippruvaw jirmunkaw it-tanker ta’ aktar minn 200 metru lil hinn mill-blat ta’ madwar il-coast road. Waħda mit-tugboats, l-iSpinola, dehret qed tuża’ ċima apposta biex tipprova tiġbed il-vapur u żommu milli jinkalja, madankollu mal-ħin din inqatgħet.

Net News huwa infurmat li waħda miż-żewġ ankri tat-tanker inqatgħet bil-ktajjen tagħha jidhru mqaċċta mal-ġenb tal-lemin tal-vapur. L-ankra ta’ portside, jew tax-xellug tal-bastiment s’issa tidher li għada qed iżżomm, bil-katina tagħha stirata sew. Jekk il-baħar qawwi jkomplu jaħkmu l-bastiment tant li jqaċċat anke t-tieni ankra, il-biża hi li dan it-tanker jispiċċa jinkalja.

Sorsi li tkellmu ma’ dan is-sit qalu li l-Chem P kien fi triqtu biex ikun skrappjat.

L-operazzjoni għada għaddejja.

Aktar kmieni

Tanker li jġorr il-kimika u li kien qed ibaħħar fl-ibħra Maltin bħalissa qed jitkaxkar bil-mewġ qawwi li ħakem fl-aħħar sigħat. Net News jinsab infurmat li fil-qrib waslu t-Tug Boats St Elmo u Spinola biex josservaw is-sitwazzjoni li qed tiżviluppa.

It-tanker Chem P filfatt bħalissa qiegħed immarkat fuq siti tal-baħħara bħala ‘mhux taħt kmand’.

Il-bastiment qiegħed jissielet ma’ mewġ għoli bejn 5 u 6 metri.

Sorsi qed jirraportaw li l-vapur mhux qed iġorr merkanzija perikoluża. Hu kien ġej mill-port Spanjol ta’ Algeciras.

Dan it-tanker inbena fl-1968 u għandu tul ta’ ftit aktar minn 200 metru.

Waħda mit-Tug Boats li qed tassisti l-Chem P