Elezzjoni 2022 Lokali Proposti 2022

Kampanja li resqitna iktar viċin in-nies

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech flimkien ma’ AnneMarie Grech kienu intervistati minn Lisa Spiteri matul il-Maratona Ġbir ta’ Fondi tal-PN fejn setgħu jitkellmu dwar l-esperjenza tagħhom matul dawn l-aħħar 4 ġimgħat ta’ Kampanja Elettorali hekk kif issa jinsabu lesti biex ikomplu bil-ħidma għall-aħħar ġimgħa qabel il-votazzjoni tas-26 ta’ Marzu. Ħidma li kif spjegaw Bernard u AnneMarie, mistennija tintensifika fejn spjega kif jinsabu mimlija enerġija biex jibqgħu jaħdmu.

Bernard Grech iddeskriva l-Kampanja Elettorali s’issa bħala waħda pożittiva ferm li qed tkompli tkun apprezata minn aktar nies, hu saħaq li dan huwa ta’ sodisfazzjon kbir għalih u wiegħed li se jkompli jaħdem biex jagħti l-opportunità li l-poplu jagħżel l-alternattiva ta’ Gvern Nazzjonalista.

Il-Kap tal-PN saħaq li aktar nies qed iħossuhom parti mill-ħidma kontinwa li qed issir fil-partit. Hu rringrazzja lil dawk kollha li qed jikkontribwixxu biex il-partit jiffunzjona u jkompli jaħdem biex iwassal il-messaġġ.

Matul din l-intervista, Bernard Grech tkellem dwar l-importanza li jkollna l-valuri t-tajbin u saħaq fuq l-importanza li dawn ngħadduhom lil uliedna.

AnneMare Grech saħqet kif matul din il-Kampanja Elettorali kellha l-opportunità li tiltaqa’ ma’ ħafna persuni u anke tgħin lil min hu fil-bżonn. Hi rringrazzjat lil dawk kollha li matul dawn il-ġimgħat impenjattivi kienu ta’ għajnuna għall-familja Grech.

Meta kienet mistoqsija dwar il-ħidma tagħha bħala għalliema, AnneMarie spjegat l-impenn ta’ rwol bħal dan u appellat għal apprezzament mill-poplu lejn l-edukaturi kollha. Hawnhekk, il-Kap tal-PN reġa’ tenna l-wegħda tiegħu li taħt Gvern ġdid tal-PN, l-edukaturi flimkien mal-frontliners ser ikollhom il-paga li tirrifletti l-ħidma kbira li jwettqu fis-soċjetà tagħna.