Lokali Qorti

Koppja se jitressqu l-Qorti wara sejba ta’ droga u flus

Mara u raġel ġew arrestati wara sejba ta’ droga kokaina u aktar minn €60,000 fi flus kontanti li allegatament ġew mid-droga. Kienet ħidma mill-Pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, wara informazzjoni dwar bejgħ ta’ droga li wasslet għall-arrest ta’ żewġ persuni li fil-pussess tagħhom instabet madwar 850g droga suspettata kokaina u ammont konsiderevoli ta’ flus kontanti.

Wara investigazzjonijiet intensivi, nhar il-Ħamis il-Pulizija arrestat mara ta’ 42 sena biswit appartament f’Marsaskala fejn nstabet madwar 100 gramma droga suspettata kokaina u flus kontanti fil-pussess tagħha. It-tfittxijiet komplew fl-appartament fejn il-Pulizija arrestat raġel ta’ 32 sena li nstab fil-pussess ta’ 750g droga suspettata kokaina u €66,000 fi flus kontanti.

Dak inhar tas-sejba l-Maġistrat tal-Għassa Lara Lanfranco ġiet infurmata bis-sejba u ħatret inkjesta. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga għadhom għaddejjn filwaqt li l-persuni mistennija jitressqu l-Qorti, s-Sibt, għall-ħabta tal-11. 30hrs quddiem il-Maġistrat tal-għassa Josette Demicoli.