Elezzjoni 2022 Lokali

NIŻVELAW: Abela f’patt ma’ Castaldi Paris: “Toħroġx għall-elezzjoni u nitfgħek Speaker”

Il-Mexxej Laburista Robert Abela daħal f’patt man-Nutar u eks Deputat Laburista Ian Castaldi Paris li jqegħdu Speaker basta ma joħroġx għall-elezzjoni ġenerali.

NET News jinsab informat li Abela kellu jagħmel dan il-patt wara li Castaldi Paris kien se jimpika u xorta jitfa’ ismu fil-lista tal-Kandidati Laburisti minkejja li nqabad li ġie ordnat iħallas €300,000 f’taxxi mhux imħallsin u multi.

Jidher li l-Leader ma kellux kontroll tas-sitwazzjoni u, għax jaf bl-appoġġ li għandu l-eks Deputat tiegħu, ma setax sempliċiment ikeċċih mill-Partit. Fil-fatt, Castaldi Paris kompla t-terminu tiegħu fil-Parlament sal-aħħar u kien biss meta Abela serraħlu rasu li se jitfgħu Speaker li ddikjara li ma kienx se jikkandida ruħu mill-ġdid.

Il-ħbiberija bejn Abela u Castaldi Paris ilha s-snin, partikolarment fix-xogħol rispettiv tagħhom. Iżda fuq kollox, għal xi snin, Castaldi Paris kien in-Nutar tal-Familja Abela u għalhekk jaf sew dwar il-passat tal-Leader Laburista.

Hu mifhum li, jekk ikun Prim Ministru, Abela jrid jagħmel minn kollox biex ikollu l-aktar kontroll possibbli tas-sitwazzjoni … mhux biss fil-Grupp Parlamentari tiegħu, iżda wkoll f’istituzzjonijiet bħall-Parlament, bi Speaker tal-għażla personali tiegħu, filwaqt li jeħles darba għal dejjem minn Anġlu Farrugia, li kien il-magħżul għal din il-kariga minn Joseph Muscat.