Elezzjoni 2022 Lokali

“Bħalma kellna bżonn bidla fl-2013 għandna bżonn bidla issa” – Angela Coleiro

“Fl-2013, jiena kont waħda mill-ħafna li ħassejt li kien wasal iż-żmien għal-bidla f’pajjiżna. Kont waħda mill-ħafna li verament emmint li Malta setgħet tkun “tagħna lkoll”. Kont waħda mill-ħafna, li iva, vvuttajt lil Partit Laburista”.

Hekk fetħet id-diskors tagħha Angela Coleiro, li ndirizzat ir-rally tal-PN f’Tas Sliema.

Coleiro qalet li hi qatt ma ħassitha Nazzjonalista, jew Laburista, imma dejjem Maltija.

Hi qalet li dejjem ħasset li hu d-dmir tagħha li tivvota u li l-ewwel darba li vvutat, fl-1987, fejn kien jinħass li kien hemm bżonn bidla. U dakinhar ivvutat lill-Partit Nazzjonalista.

Anglea Coleiro qalet li fis-snin ta’ wara rat Malta tinbidel kompletament għall-aħjar. Fakkret fid-dlammijiet tas-snin 80. U qalet li illum, b’konvinzzjoni, mill-ġdid, reġa’ wasal iż-żmien għal bidla. Hi saħqet li pajjiżna qed isejjħilna.

Coleiro qalet li pajjiżna għandu bżonn vizjoni cara għal ġejjieni, u li f’dan il-mument fl-istorja ta’ pajjiżna huwa biss il-Partit Nazzjonalista li jista joffri futur aħjar u sikur. Hija saħqet li wasal iż-żmien li ‘we stand up to be counted’.

Filwaqt li stqarret li kien hemm waqtiet fejn il-Partit Nazzjonalista kien weġġagħha personalment, illum il-Partit Nazzjonalista rriġenera ruħu, tgħallem mil-iżbalji tal-passat, u llum qiegħed joffri posittività, umiltà, u viżjoni u għandu Kap li verament huwa tal-poplu, u mal-poplu. Kap li jagħti widen għal dak li qed jghix u jesperjenza l-poplu.

Għal kuntrarju, qalet Coleiro, il-Partit Laburista sar partit negattiv. Sar partit li tilef ruħu, u sar partit maqtugħ mir-realtà li jgħixu n-nies u li m’għandux pjan jew viżjoni ghal ġejjieni. Għandna gvern li qed imexxi b’politika ta’ management by crisis.

Pajjiżna jixraqlu ahjar, sostniet Angela Coleiro.

Hi qalet li nhar is-Sibt se tivvotta għall-Partit Nazzjonalista, mhux b’pika, imma għand Malta għandha bżonn tmexxija serja. Faħħret ħafna l-proposti fil-programm elettorali tal-PN, fosthom il-proposta tat-trackless tram. Hawn spjegat kif hi tħobb issiefer ħafna, u kemmildarba kienet f’pajjiżi fejn titħaddem din is-sistema tat-trasport tal-massa, u li taf kemm huma komdi, veloċi u effiċjenti. Coleiro fakkret li l-PN qed iwiegħed li dan ikun possibli f’ħames snin, jekk ikun fil-Gvern.

Angela Coleiro tkellmet ukoll bħala membru tal-kommunita’ LGBTIQ+ u qalet li tieħu pjacir tara li hemm proposti posittivi biex jgħinu lil persuni transgender, u gay, kemm fil-kura ta’ saħħithom, fit-trattamenti li jkollhom bżonn, u anki ħarsien għal dawk li kibru, u saru anzjani. Hi sostniet li anki f’dan il-qasam il-Partit Nzazzjonalista tgħallem mil-iżbalji tal-passat, u llum jilqa’ fi ħdanu lil kulħadd, u l-fatt li hu kienet fuq dak il-podium, huwa xhieda ħajja ta’ dan il-fatt.

Coleiro wasslet messaġġ ta’ tama għal dan iċ-ċans li jkolna darba kull ħames snin. Hija ħeġġet lil min issoltu jivvota lill-Partit Laburista biex jagħmel kuraġġ u din id-darba jafda lill-Partit Nazzjonalista.