L-aħħar ġimgħa tal-kampanja elettorali tal-Labour bdiet kif kienu l-erba’ ġimgħat li għaddew … iddominata mill-qasma li ħakmet lil-Labour fl-aħħar xhur bejn il-klikka ta’ Joseph Muscat u Robert Abela.
Dan deher fiċ-ċar ukoll mill-attività organizzata mill-eks Ministru Joe Mizzi, li tneħħa mill-Kabinett minn Abela appena rebaħ il-ġlieda tal-Leadership sentejn ilu. U biex ipattihielu talli neħħieh mill-Kabinett, Mizzi stieden għall-attività fil-Kalkara lil Muscat u lil Alfred Sant, filwaqt li nesa għal kollox lil-Leader.
Quddiem iċ-ċapċip u l-għajjat ta’ “Joseph Joseph”, Muscat ħa l-okkażjoni jfakkar lis-suċċessur tiegħu li l-agħar ħaġa li tista’ tiġri hi meta wieħed jinsa lil min ikun ta ħajtu għall-kawża u l-prinċipji li wieħed ikun iħaddan. Dan f’botta diretta lil Abela, li webbes rasu u tefgħu għal kollox fil-ġenb billi ma jridx jistiednu jindirizza attività pubblika.
Muscat kompla li dak li wieħed jagħmel ikun possibbli għat-tajjeb li jkun sab minn ta’ qablu. Hu baqa’ sejjer lura fl-istorja sa żmien Boffa mingħajr l-ebda referenza għas-suċċessur tiegħu, daqslikieku stenna li Abela jirrikonoxxi l-ħidma li għamel hu fil-Labour sa sentejn ilu.
Muscat ilu għal dawn l-aħħar ġimgħat jikkampanja għal xi Kandidati magħżulin minnu. Aktar kmieni matul il-kampanja elettorali, hu kkampanja wkoll favur “sieħbu” Glenn Bedingfield, fost oħrajn u min-naħa tiegħu, id-Deputy Leader Chris Fearne kien iddikjara ma’ NET News li ma jsibx diffikultà jistiednu f’attività minn tiegħu.
Hawn taħt, segwi silta mill-intervent ta’ Muscat matul l-attività ta’ dalgħodu.
//= $special ?>