Elezzjoni 2022 Lokali Proposti 2022

“Flimkien, ħloqna l-aqwa viżjoni għall-futur tiegħek” – Bernard Grech

"Miegħek, jien konvint li se nagħmlu d-differenza"

“Magħna se taħdem… aħna rridu level playingfield… U hekk se nagħmlu… Issa jmiss lilek…. Agħmel il-pass li neħtieġu lkoll. Ivvota. Mhux biex tagħtini l-poter. Imma biex tieħu iktar poter f’idejk. Biex ma nħallux lil min ilu hemm għaxar snin ikompli jaħkem kollox taħt idejh. Biex nissaħħu lkoll flimkien, għax aħna għandna viżjoni ġdida li Malta tant għandha bzonn. Aħna nemmnu fik. Minn dejjem emminna fik. U se nibqgħu hemm għalik u miegħek. Għax miegħek nistgħu inġibu d-differenza. Għax miegħek nistgħu nirnexxu. Għax miegħek nistgħu noħorġu lil dan il-pajjiż mill-isqaq li daħlu fih Robert Abela. Iva Miegħek. Jien konvint li nhar is-Sibt li ġej għax jien Miegħek…. Miegħek għal Malta se nerġgħu naqbdu r-rotta li pajjiżna tant għandu bżonn.”

F’mass rally li saret f’Tas-Sliema, il-Kap tal-PN Bernard Grech qal li f’dawn l-aħħar ġimgħat komplejna nikbru lkoll flimkien u ħdimna sabiex pajjiżna jkollu futur aħjar. Partit li huwa ffukat fuq il-viżjoni pożittivi li għandu għall-Maltin u l-Għawdxni kolha.

Huwa qal li 100 siegħa wara l-bidu tal-kampanja, il-PN preżenta l-viżjoni tiegħu… pjan fejn irridu nieħdu lil dan il-pajjiż sas-sena 2030. Pjan ċar mibni fuq l-aspirazzjonijiet ta’ kulħadd.

“Ġimgħa oħra għandkom f’idejkom iċ-ċavetta għal dan il-futur. Ċavetta importanti, ċavetta li tista’ terġa’ tagħti futur isbaħ lil dan il-pajjiż. Futur isbaħ lilek, lill-familja tiegħek, lill-uliedek.”

Fakkar kif għandna Prim Ministru li lbieraħ irrealizza li l-prezzijiet qed jogħlew… irealizza li hemm problemi kbar mill-importaturi tal-ikel. Il-Partit Nazzjonalista ilu għal ġimgħat sħaħ jipproponi li jkun hemm fond ta’ 40 miljun ewro biex jgħin fl-importazzjoni.

Prim Ministru li jaħseb mil-lum għal għada mingħajr ma jaħseb għall-futur. Mexxej Laburista li kull ma jmur qed ikompli juri kemm hu Prim Ministru inċert. Robert Abela li baqa’ jaħrab il-mistoqsijiet, li deher dgħajjef fid-dibattiti, ħarab dibattitu ma’ Bernard Grech quddiem l-istudenti tal-Junior College.

Bernard Grech qal li issa għandna wkoll konferma oħra li Robert Abela kiel b’żewġt iħluq waqt li kien konsulent legali tal-MEPA. Kien jieħu 28,000 ewro fix-xahar u sa issa nafu b’żewġ okkażjonijiet li kumbinazzjoni wasslu biex qallgħuh l-eluf b’abbuż tal-pożizzjoni li kien jokkupa.

Fakkar fil-każ ta Christian Borg, fejn daħal f’kuntratt għal biċċa art fil-jum li fih ħareġ il-permess tal-art li wara ċedieh lil allegat kriminal. Apparti dan sirna nafu li għamel kuntratt għal villa ODZ ħamest ijiem wara li ħareġ il-permess li qatt ma messu ngħata. Villa li ddikjara li xtara 600,000 ewro li bil-permess li nħarġilha ġiet tiswa mill-inqas 2 miljun ewro. Huwa qal li jiġifieri apparti t-28,000 ewro li kien jieħu fix-xahar, sa issa nafu li gwadanja mal-miljun u nofs ewro f’żewġ deals.

Huwa sfida lil Robert Abela biex jippubblika r-rapport li ġie ppreżentat lill-kummissarju tat-taxxa dwar il-valur ta’ din il-proprjeta. u jippubblika r-rapport tal-evalwazzjoni tal-perit tal-gvern li jikkonferma dan il-valur.

Il-Kap tal-PN semma kif Dalgħodu t-Times of Malta kixfet storja oħra fuq Robert Abela fejn il-famuża villa f’Wied il-Għajn intużat ukoll biex Abela kriha lill-persuni Russi li xtraw iċ-ċittadinanza. Turija ċara ta’ kemm Robert Abela jrid iktar flus u poter f’idejh.

Il-Kap tal-PN semma l-biljun ewro li se jkunu investiti fl-għaxar setturi ekonomiċi ġodda fosthom l-industrija tal-metaverse u d-dinja virtwali, is-servizz tal-konformità u d-due diligence, ir-robotika, l-applikazzjoni avvanzata tal-istampar 3d, l-applikazzjoni tal-intelliġenza artifiċjali, l-e sports, il-konverġenza tas-setturi tal-film u tal-kreattività f’industrija tal-logħob diġitali

“Din hija s-serjetà fil-politika. Is-serjetà li noħolqu programm ta’ xprunar ta’ investiment bil-ħolqien ta’ għaxar setturi innovattivi f’pajjiżna.”

Saħaq li l-oqsma tal-PN huma oqsma li minbarra li jieħdu ħsieb l-ambjent, ma jippreġudikawx ir-reputazzjoni internazzjonali ta’ pajjiżna, kif qed jiġri bil-bejgħ tal-passaporti u bil-cryptocurrency. Din hija l-viżjoni ekonomika tal-PN… ekonomija sostenibbli, risponsabbli u b’identità ċara!

Aħna rridu nattiraw l-aqwa mħuħ biex jinvestu, jaħdmu u jgħixu f’pajjiżna ħalli nsaħħu l-fruntieri diġitali tagħna u nagħtu s-serħan tal-moħħ lil min irid jopera fis-setturi.