In-Nazzjonijiet Uniti qalet li tal-anqas 900 ċivili tilfu ħajjithom, b’aktar minn 1,500 jisfaw midruba mindu l-qawwiet tar-Russja invadew l-Ukrajna fl-24 ta’ Frar.
Ħafna mill-vittmi rriżultaw mill-missili u l-attakki mill-ajru tal-qawwiet Russi – bis-sistemi ‘multiple-launch’ tar-rokits ukoll joħolqu straġi mid-distretti residenzjali f’numru kbir ta’ bliet Ukreni.
L-Uffiċċju tad-Drittijiet Umani tan-NU (OHCHR) sadanittant jemmen li ċ-ċifra tal-vittmi ċivili kapaċi hi ħafna akbar. Dan meta l-OHCHR u organizzazzjonijiet ta’ fejda oħrajn ma setgħux jiġbru l-informazzjoni mill-ibliet Ukreni li ġarrbu l-agħar impatt tal-invażjoni brutali mit-truppi Russi ta’ Vladimir Putin.
Fost dawn hemm il-belt ta’ Mariupol li ilha ħafna jiem suġġetta għall-bumbardamenti feroċi tar-Russi u li tinsab f’periklu li ‘litteralment tinqered minn fuq il-mappa’.
U minkejja li qed ikompli l-proċess tat-taħditiet bejn ir-rappreżentanti tal-Ukrajna u r-Russja, il-paċi fl-Ukrajna kapaċi għadha ’l bogħod ħafna… Dan waqt li l-Eks Prim Ministru Russu Mikhail Kasyanov qal li ma jemminx li l-President Putin hu ‘serju’ fid-diskors tiegħu dwar trattattivi għall-paċi.
Kasyanov jaħseb li l-President Russu lanqas mhu se joffri soluzzjoni għall-konflitt ‘li l-poplu Ukren jista’ jsibha komda’.
//= $special ?>