Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Aktar atroċitajiet fil-belt ta’ Mariupol

L-atroċitajiet kontra l-poplu ta’ Mariupol laħqu ‘livell ġdid’ fost rapporti li l-militar ta’ Moska wettaq attakk dirett fuq skola tal-arti fejn kien hemm il-mijiet taċ-ċivili jistkennu mill-isparar. Ir-rapporti qalu wkoll li l-bini nqerdet għal kollox taħt il-bumbardamenti tar-Russi u li kien hemm numru mhux determinat ta’ nies taħt it-tifrik.

Konferma tal-attakk mis-sorsi indipendenti tkun tfisser li l-Armata tal-President Russu Vladimir Putin qed tikkonċentra ‘aktar minn qatt qabel’ l-offensiva fuq il-poplu ċivili tal-Ukrajna. Fil-fatt, ftit jiem ilu, l-ajruplani tal-gwerra Russi bumbardjaw teatru f’Mariupol minkejja li t-teatru kien immarkat bħala xelter għal ċivili – tant li l-Ukreni kitbu l-kelma ‘tfal’ bir-Russu fl-art ta’ quddiem il-bini.

Mifhum , sadanittant, li għad hemm mal-1,300 ċivili – fil-parti kbira nisa u tfal – maqbudin fil-parti ta’ isfel tat-teatru. Dan waqt li l-battalji f’Mariupol qegħdin ifixklu l-isforzi tal-iskwadri għall-emerġenza Ukreni biex isalvawhom.

Fl-aħħar jiem, in-neighbourhoods u distretti sħaħ ta’ Mariupol spiċċaw f’munzelli ta’ ġebel taħt il-bumbardamenti bla ħiena, bl-aħħar rapporti jikkonfermaw li l-artillerija tar-Russi qerdet anki sptar u knisja fl-inħawi.