Il-World Food Programme (WFP) tan-Nazzjonijiet Uniti qal li ma jistax jilħaq lill-eluf taċ-ċittadini li spiċċaw f’sitwazzjoni ddisprata fil-belt ta’ Mariupol. Dan fost rapporti li din il-belt tinsab iċċirkondata għal kollox mill-qawwiet tar-Russja.
Jakob Kern, il-koordinatur tal-WFP għall-emerġenzi, ikkundanna lir-Russja talli qed tuża t-tattiċi militari biex iżżomm il-provvisti tal-ikel milli jaslu b’urġenza għand ir-residenti ta’ Mariupol li ilhom jiem sħaħ mingħajr dawl u provvisti neċessarji.
Kern enfasizza li ‘sitwazzjoni bħal din hi inaċċettabbli fil-21 seklu’ waqt li aċċenna għaċ-‘ċirkustanzi traġiċi’ f’diversi bliet oħra tal-Ukrajna. Hu tkellem waqt li l-qawwiet Russi fl-Ukrajna kienu qed jippruvaw jagħlqu akatar rotot għat-trasport tal-għajnuna.
Fl-istess ħin, il-WFP ma jistax jilħaq lin-nies f’Mariupol minħabba li s-sewwieqa tat-trakkijiet bil-provvisti tal-għajnuna ‘mhumiex lesti li jissugraw ħajjithom waqt il-vjaġġi mimlijin b’periklu u fost il-bumbardamenti kontinwi’
Għaldaqstant is-sitwazzjoni qed issir aktar diffiċli għar-residenti mhux biss f’Mariupol iżda anki fi bliet oħra bħal Sumy u Kharkiv, fejn id-difensuri għadhom qed jirreżistu lill-magna tal-gwerra Russa ta’ Vladimir Putin.
//= $special ?>