Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Ir-Russi jisparaw missila oħra tat-tip ‘hypersonic’

Il-qawwiet tal-President Russu Vladimir Putin sparaw it-tieni missila tat-tip hypersonic fl-aħħar jumejn – bl-aġir iżid l-inkwiet li l-konflitt fl-Ukrajna kapaċi jiżviluppa f’Tielet Gwerra Dinjija.

Il-missila cruise – bl-isem Kalibr – kapaċi tivvjaġġa b’almenu ħames darbiet aktar veloċità mill-ħoss ( speed of sound) u tant hi qawwija li l-Alleanza tan-NATO laqqmitha ‘The Sizzler’.

Aktar qabel, ir-Russi kienu sparaw missila oħra tat-tip hypersonic u mlaqqma ‘Kinzhal’. Din kienet l-ewwel darba li huma rrikorrew għal dan il-kalibru ta’ missila mill-bidu tal-gwerra fl-Ukrajna.

Sar magħruf, intant, li l-Kalibr kienet sparata mill-vapuri tal-gwerra Russi fil-Baħar l-Iswed ‘il hinn mill-Krimea u fost rapporti li din laqtet l-infrastruttura militari tal-Ukrajna.