Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Ir-Russi jitilfu fizzjal navali ta’ grad għoli

L-Uffiċjali Russi kkonfermaw li l-Kaptan Andrei Paly, il-viċi-kmandant tal-Flotta tar-Russja fil-Baħar l-Iswed, tilef ħajtu waqt il-kumbattimenti f’Mariupol.

Kienu fil-fatt l-Ukrajni li rrappurtaw it-telfa ta’ Paly, li x’aktarx hu l-ewwel uffiċjal għoli tal-qawwiet navali Russi li nqatel fl-invażjoni. Aktar tard, il-kelliema Russi qalu li l-qawwiet navali tagħhom sofrew ‘telfa irreparabbli ( b’referenza għall-mewt tal-viċi-kmandant)’.

Il-bażi tal-Flotta ( Russa) tal-Baħar l-Iswed tinsab f’Sevastopol, fil-penisola tal-Krimea li r-Russja kienet ħatfet lill-Ukrajna fl-2014.

Fl-aħħar jiem, l-Ukreni rrappurtaw l-imwiet ta’ ħames Ġenerali tal-Armata Russa waqt l-invażjoni tal-Ukrajna li ilha għaddejja mill-24 ta’ Frar.

Sadanittant, ir-Russja kkonfermat it-telfa ta’ wieħed biss minn dawn l-uffiċjali għolja militari — f’dan il-każ, tal-Ġeneral Andrei Sukhovetsky.