Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Qegħdin jieħdu liċ-ċivili bil-forza lejn ir-Russja

Żvilupp traġiku ieħor fil-kalvarju ta’ Mariupol qed jinvolvi r-rilokazzjoni ta’ ċivili kontra l-volontà tagħhom.

Dan waqt li l-uffiċjali fl-Ukrajna qed jallegaw li r-Russi ġabru eluf ta’ residenti minn din il-belt u trasportawhom bil-forza lejn l-ibliet fir-Russja.

L-osservaturi qalu li  jekk dan hu minnu, l-Ukrajna qed tiffaċċja kampanja ta’ terrur sistematiku organizzat minn Stat – f’dan il-każ ir-Russja – fuq l-istess livell tal-aġir qattiel tan-Nażisti waqt l-okkupazzjoni tal-Ewropa matul it-Tieni Gwerra Dinjija ( 1939-45).

Il-komunikazzjonijiet ma’ Mariupol u l-madwar huma diffiċli u bis-sitwazzjoni qed ittellef il-verifika tal-vittmi u tal-iżviluppi fl-inħawi. Is-sitwazzjoni, fl-istess ħin, qed ittawwal l-agunija tal-qraba li qegħdin jistennew aħbar dwar l-għeżież maqbudin taħt il-bini mwaqqa jew li spiċċaw irrappurtati nieqsa.