F’intervista li saritlu mill-Editur tal-Malta Today Matthew Vella, Bernard Grech qal li llum ħadd m’għandu dubju li l-PL ġab korruzzjoni lampanti f’dan il-pajjiż… u dan kien ikkonfermat ukoll mill-Qrati Maltin. Anke l-FATF tat timbru lil pajjiżna u spiċċa fuq il-lista l-griża. Kien għalhekk li l-Partit Nazzjonalista ppreżenta l-Omnibus bill… 12-il abbozzz sabiex immedjatament tibda tissewwa r-reputazzjoni ta’ pajjiżna, iżda l-Gvern ivvota kontra din il-mozzjoni għaliex kuntenti li pajjiżna jibqa’ f’dan l-istat u jridu li jibqa’ jkollhom kontroll tal-istituzzjonijiet.
“Umilment nitlob lill-poplu li jekk irid tassew li jnaddaf pajjiżna jrid ibiddel il-Gvern u dik hi l-għażla li llum għandu quddiemu l-poplu.”
Il-Kap tal-PN qal li t-traget tiegħu hi li titwettaq il-viżjoni li qed jippreżenta l-Partit. Saħaq li ilna sena biex ikollna Omubsman ġdid iżda Robert Abela baqa’ jippersisti milli din issir. Baqa’ jippersisit li jkollu kontroll assolut tax-Xandir Nazzjonali. Sostna li dan kollu huwa turija ċara ta’ kemm Robert Abela huwa kuntent li jkollu l-poter f’idejh.
Bernard Grech qal li l-PN irid jagħti żieda fil-paga lill-frontliners sabiex tkun rikonoxxuta l-ħidma li għamlu matul il-pandemija. Lill-edukaturi wkoll se tingħatalhom żieda għaliex huma l-bażi ta’ kull ċittadin Malti. Il-PN se jkun qed jinċentivak biex inti tilħaq il-kriterji ESG, fejn il-ħaddiema se jkun hemm investiment fihom filwaqt li jingħatalhom ħlas xieraq.
Dwar l-għoli tal-ħajja, Bernard Grech qal li apparti li jridu jiżdiedu l-pagi, speċjalment permezz tal-għaxar setturi ekonomiċi ġodda, huwa importanti li l-għoli tal-ħajja jitrażżan fejn il-PN qed jippropono li jkun hemm fond ta’ 40 miljun.
“Irridu ngħinu fost l-oħrajn mhux biss lil min jimporta u jesporta imma rridu niftħu s-suq Ewropew għal min f’Malta jimmanifattura.“
Huwa żied jgħid li fil-programm elettorali tiegħu l-Partit Nazzjonasilta se jkun qed jgħin lil iktar nies sabiex jixtru l-ewwel proprjeta tagħhom. Bernard Grech qal li Gvern ġdid Nazzjonalista se jkun qed jgħin fid-depożitu ta’ 10% sabiex kulħadd ikun jista’ jixtri l-proprjetà tiegħu. Apparti dan se jkun qed jingħata wkoll inċentiv lil dawk li jridu jbiegħu l-proprjetà tagħhom. Proposta oħra hi li lil dawk in-nies li jirtu proprjetà, ma jħallsux taxxa tas-suċċessjoni.
Dwar il-proġett tat-trackless tram huwa qal li l-Partit Nazzjonalista jrid jinċentiva lin-nies biex jużaw inqas il-vettura tagħhom. Dan għaliex dan se tkun trasport tal-massa li huwa effiċjenti, jasal fil-ħin, ma jagħmilx ħsara lill-ambjent filwaqt li jsir f’ħames snin.
Mistoqsi dwar, l-abort, Bernard Grech qal li jrid jiddiskuti ma’ kulħadd sabiex tonqos l-inċidenza li jsir l-abort. Dan għaliex il-Partit Nazzjonalista huwa ċar… huwa partit favur il-ħajja mit-twelid sal-mewt.
“Jien kburi li dan il-partit huwa favur il-ħajja għax jekk ma jkollokx il-ħajja ma jkollok xejn, la jkollok il-ġid, la jkollok iċ-ċans li tmur għax-xogħol, la jkollok iċ-ċans li tmur tgawdi… ma jkollok assolutament xejn. ”
Fir-rigward tas-sitwazzjoni internazzjonali li għaddejja minnha l-poplu Ukren, Bernard Grech qal li ma nistgħux inħalluhom waħedhom u għalhekk kien importanti li nibagħtu messaġġ ċar li pajjiża ma jaċċettax iktar ċittadini Russi li jrid jixtru ċ-ċittadinanza Maltija biex jinfiltraw l-Ewropa… iżda pajjiż għandu Prim Ministru li ma jiddeċidix u kellha tkun l-Unjoni Ewropea li tiddeċiedi għalih.
//= $special ?>