Rapport: Stewart Said
Madwar ġimagħtejn ilu, it-tim nazzjonali Malti tan-nisa pparteċipa fi grupp ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew. Is-sitwazzjoni fil-waterpolo femminili hi differenti ferm mis-sitwazzjoni maskili. Fit-tliet logħbiet tal-grupp, it-tim Malti tilef 23-4 kontra Franza, 6-4 kontra l-Portugall u 19-6 kontra l-Iżrael.
Għalkemm waslu dawn it-telfiet, il-kowċ nazzjonali Anthony Farrugia hu iktar iffukat fuq il-problemi li għandu dan is-settur tal-isport akwatiku milli r-riżultati nfushom. F’kummenti ma’ dan is-sit, Farrugia elenka żewġ diffikultajiet kbar biex il-waterpolo tan-nisa jimxi ‘l quddiem.
“F’dan il-grupp ta’ kwalifikazzjoni, it-tim nazzjonali lagħab wara prattikament ħames snin wieqaf. Dak iż-żmien l-ASA kienet nefqet eluf ta’ ewro biex ikkompetejna f’aktar minn tournament wieħed. Iżda meta rritornajna, ma kienx hemm spazju biex nitħarrġu, it-taħriġ tal-klabbs kien wieqaf u għamilna bejn Novembru u Jannar mingħajr ma taħriġ, b’konsegwenza li waqaf kollox.”
Farrugia qal li huma ġejjin minn dan il-passat riċenti u saħansitra qal li kien hemm mumenti li qatgħu qalbhom. Minbarra l-problema tal-faċilitajiet, il-kowċ nazzjonali tan-nisa żied li problema oħra hi l-kontinwità fil-waterpolo tan-nisa.
Hu b’sodisfazzjon irrimarka li jidher li din il-kontinwità qed titjieb hekk kif żdiedu l-klabbs u huma aktar kontinwi fit-taħriġ. Dan wassal biex beda jintlagħab il-Kampjonat tax-Xitwa f’pixxina akbar. “Irid ikun hemm iktar spazju ta’ faċilitajiet u iktar ħin għat-taħriġ tal-waterpolo tan-nisa.”
Il-prestazzjonijiet fil-grupp ta’ kwalifikazzjoni
Dwar il-grupp ta’ kwalifikazzjoni, Anthony Farrugia rrimarka kif Franza u l-Iżrael kienu żewġ timijiet li pparteċipaw fil-fażi finali tal-aħħar Kampjonat Ewropew. Kontra Franza hu kien kuntent li l-ballun wasal fis-centre u kellhom diversi tkeċċijiet favurihom iżda kienu traskurati fil-passaġġi.
Fl-aħħar logħba kontra Iżrael li huma aktar kwotati mit-tim Malti, kien hemm distakk ta’ sitt gowls sa nofs il-logħba u ddeċieda li jibdel u jilgħab lil kulħadd inkluż il-gowlkiper ta’ riserva. Il-logħba li fiha t-tim Malti seta’ jikseb xi ħaġa kienet kontra l-Portugall.
In-nisa Maltin ħarġu telliefa 6-4. “Bdejna tnejn minn taħt u bqajna nilagħbu sal-aħħar. Konna 4-4 u minflok ġejna 5-4 aħna, konna żvinturati fil-gowl li sofrejna. Sejjaħt żewġ time-outs imma l-gowl ma ġiex.” Farrugia żied li minkejja t-tliet telfiet, dan il-grupp ma kienx falliment għax fisser li t-tim Malti reġa’ beda jilgħab wara nuqqas ta’ logħbiet internazzjonali.
Anthony Farrugia jħares b’ottimiżmu għaż-żmien li ġej. “Irridu naħdmu, ġejjin dawn is-sentejn u rridu nibnu għall-fażi ta’ kwalifikazzjoni ta’ taħt id-19-il sena. Fit-tim tal-kbar irrid li jkolli taħlita ta’ żgħażagħ u plejers ta’ esperjenza.”
//= $special ?>