Il-bastiment Chem P, li huwa maqbud f’baħar jibla’ l-art u riħ qawwi mal-kosta tal-Lvant ta’ Malta fiż-żona tal-Blata tal-Għallis, baqa’ jiġi assistit mil-laneċ tal-irmonk, Spinola u St. Elmo, sabiex jevita milli jankra mal-kosta.
Dan wara li s-Sibt filgħodu l-bastiment twil aktar minn 200 metru, li jġorr bandiera mis-St. Kitts and Nevis, żvilluppalu problemi fil-magni tiegħu u kellu l-ankra tiegħu maqbuda mal-interconnector li hemm għaddej f’dawn l-inħawi.
Fortunatament, dan il-bastiment li jintuża għall-ġarr tal-kimika, m’għandux tagħbija fuqu, iżda abbord il-Chem P hemm 20 persuna, bil-pjan taż-2 laneċ tal-irmonk huwa li malli jikkalma t-temp, probabbilment il-Ħadd filgħaxija jew it-Tnejn filgħodu, ikunu jistgħu jiddaħħlu għall-kenn f’Marsaxlokk.
Jidher li l-prassi f’każijiet bħal dawn hija li malli l-baħar jikkalma, l-ankra titqaċċat biex titħallha fil-post sabiex l-interconnector ma jġarrabx ħsara.
F’messaġġ fuq Facebook, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, qal li għamel kuntatt mal-ekwipaġġ abbord iż-żewġ laneċ tal-irmonk, li qed jaħdmu b’sogru għal ħajjithom biex jassistu lill-bastiment.
Huwa sellmilhom talli mhux biex kienu front liners waqt il-pandemija iżda anki qed joffru dan is-servizz indispensabbli sabiex tiġi evitata traġedja.
//= $special ?>