Lokali

L-ispejjeż tal-materjal ta’ kostruzzjoni żdiedu bi 30%

Ritratt: Arkivji

Il-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna u l-pandemija kkawżaw żieda ta’ 30% f’materjal ta’ kostruzzjoni.

Il-President ta’ Malta Developers Association, Michael Stivala qal mal-gazzetta The Malta Independent on Sunday li ġie nnotat li l-invażjoni fl-Ukrajna diġa kkawżat żieda ta’ 30% fil-prezz tal-ħadid. Dan filwaqt li mill-bidu tal-pandemija s’issa, materjal ta’ kostruzzjoni ieħor ukoll żdied b’30%.

Jidher li l-problema mhix biss fiż-żieda tal-prezzijiet iżda saħansitra d-dewmien fit-trasportazzjoni tal-istess materjal. Problemi li mhux biss qed jaffetwa lis-settur tal-kostruzzjoni iżda saħansitra diversi setturi oħra.

Il-prezz tal-ħadid jidher li bħalissa mhux stabbli iżda ġimgħa wara l-oħra qed ikompli jiżdied. Dan kollu qed iwassal fiż-żieda tal-ispejjeż meta wieħed jiġi biex jibni, b’riżultat li l-bejgħ ta’ propjetajiet possibilment jiżdied drastikament.

Mhux magħruf x’jiġri mill-prezzijiet tal-kostruzzjoni la darba l-gwerra fl-Ukrajna tiġi fi tmiemha… jekk il-prezzijiet jibqgħux l-istess kif żdiedu jew jerġgħux jinżlu bħalma kienu.