Lokali

“PN fil-Gvern jiftaħ setturi ġodda bħal ma għamel bl-avjazzjoni, l-farmeċewtika, il-marittimu u l-gaming” – Bernard Grech

Il-Partit Nazzjonalista jista’ jbiddel il-pajjiż għax dan diġà għamlu għexieren ta’ snin ilu.

Hekk stqarr Bernard Grech f’intervista ma’ Mark Laurence Zammit għas-Sunday Times.

Fl-intervista twila, il-Kap tal-PN tkellem fuq diversi temi. Hu insista li filwaqt li Robert Abela sejjer għall-elezzjoni b’viżjoni ta’ xejn fejn jidħol il-futur ta’ pajjiżna, il-Partit Nazzjonalista kien ċar ferm u qed joffri lill-poplu Malti bidu ġdid b’10 setturi innovattivi li jassiguraw futur isbaħ bħall-Maltin u l-Għawdxin.

Bħal ma l-PN kellu viżjoni meta waqqaf setturi ekonomiċi bħall-marittimu, il-gaming, il-famraċewtika u l-avjazzjoni snin ilu, l-istess għandu issa.

Bernard Grech qal li dawk is-setturi li l-PN ġab lejn pajjiżna snin ilu għadhom sal-lum is-sisien li fuqhom jistrieħ il-pajjiż.

Mistoqsi kif se jkunu ffinanzjati dawn l-oqsma ġodda, Grech qal li 70% tal-investiment se jiġi mis-settur privat u l-bqija jkun iġġenerat mill-ekonomija tal-pajjiż.

Mark Laurence Zammit staqsa lil Bernard Grech jekk jemminx li Robert Abela se jfalli l-pajjiż jekk jerġa’ jkun elett, il-Kap tal-PN wieġeb li Abela diġà daħħalna fi djun kbar u agħar minn hekk, m’għandux idea kif se jiġġenera l-ekonomija.

Il-ġurnalista tat-Times staqsa lil Bernard Grech jekk jaħsibx li għandu jkun hemm taxxa fuq l-użu tal-karozza personali sabiex jitrażżan l-użu tal-vetturi privati bi Grech iwieġeb li ma jista’ jaqbel qatt ma’ taxxa li tikkastiga lin-nies biex tipprova ġġgħelhom ibiddlu l-istil ta’ ħajja tagħhom. Minflok jemmen li l-proposta tat-trackless tram tal-PN tista’ toffri soluzzjoni effiċjenti, nadifa u fil-futur qarib , għaliex minkejja s-€700,000,000 li xbajna nisimgħu li ntefqu fuq it-toroq, is-sitwazzjoni tat-traffiku f’pajjiżna hija ċertifikat ċar u li narawh ta’ kuljum ta’ kif il-Gvern Laburista falla miżerjament li jsolvi l-problemi kif kien wegħedna li se jagħmel disa’ snin ilu.