Fost il-partitarji fl-Orpheum, fil-Gżira, il-Leader tal-Labour Robert Abela kompla bir-retorika tiegħu ta’ attakki kontra l-predeċessur tiegħu, Joseph Muscat, hekk kif il-qasma qed tkompli taħkem il-kampanja tal-Labour propju sal-aħħar ġimgħa tal-kampanja elettorali.
Fil-fatt, Abela, waqt li kostantament baqa’ jaqra min-noti tiegħu, tefa’ diversi drabi l-botta li, taħt it-tmexxija tiegħu, il-Labour hu Moviment, biex jipprova jiġbed it-tapit minn taħt saqajn Muscat.
Fuq kollox, hu tenna li se jkun biss bis-saħħa tiegħu li l-Labour jista’ jerġa’ jkollu kredibbilta’, anqas minn tliet snin minn meta Muscat ingħata t-titlu tal-aktar politiku korrott fid-dinja.
“Il-kredibilità li jrid ikollok biex twettaq dawn il-proġetti.”
Fl-istess waqt, Abela kompla jitfa’ l-botti li se jibgħat lill-ħaddiema u n-negozjanti jiddejnu meta fakkar li taħtu, taf fejn qiegħed mal-Labour.
U dan fid-dawl tal-wegħda 174, li biha l-Labour irid li għajnuniet futuri f’każ ta’ sfidi futuri, jingħataw f’dejn mal-Gvern stess.
“Huwa possibli li nwettqu dawk il-miżuri għaliex magħna taf fejn qiegħed.”
Iżda lill-ħaddiema tal-Air Malta ftit kellu wens x’joffrilhom:
“Kellna bilfors nagħmlu r-ristrutturar tal-workforce tal-kumpanija fis-sena li kellna numru ta’ impjegati li mhux se jibqgħu fil-linja nazzjonali tal-ajru.”
U bis-sensji ta’ mijiet ta’ ħaddiema mal-linja nazzjonali tal-ajru, Robert Abela qal li rnexxielu jsalvaha:
“Insalvaw il-kumpanija, nirristrutturaw imma f’dak il-proċess ta’ ristrutturar, irrid niżgura li ma jkunx hemm ħaddiem wieħed li jbati.”
U, mistoqsi minn prezentatur tax-Xandir tal-Istat, Abela wera li m’ghandux idea ta’ x’qed joffri l-Partit tieghu stess, ghalkemm inheba wara l-iskuza li m’ghandux cans jaghmel dan.
“Naturalment m’għandix ċans nispjega l-elf proposta hawnhekk.”
U wara li qal l-gwerra fl-Ukrajna mhux se tkun ta’ effett:
“U ma jidhirx li l-impatt dirett se jkun wieħed sinjifikanti.”
… issa li s-supermarkets qed idaħħlu sistema ta’ rationing fuq il-prodotti tal-ħalib u ċ-ċereali, il-Leader kellu jirrikonoxxi li dina l-gwerra taffettwana:
“Hija sfida u hija sfida li mhijiex żgħira.”
Robert Abela baqa’ jfakkar lil dawk preżenti li din il-kampanja elettorali ħallas għaliha l-poplu Malti meta għażel li jibda jqassam ir-rifużjoni tat-taxxa żejda fil-ġimgħa li bdew jivvutaw il-Maltin:
“Issa kien il-mument meħtieġ li nqassmu ċ-ċekkijiet”
Min-naha tiegħu, Owen Bonnici ftaħar li l-wegħdiet tal-Labour dwar l-ambjent jispirawh, f’botta diretta lis-suppost sieħbu fil-Kabinett, Ian Borg, li jibqa’ magħruf għall-mod kif qaċċat kull siġra li sab fin-nofs biex suppost iwessa’ t-toroq.
U f’messaġġ li jħares biss lejn il-passat, Andy Ellul infexx jipprova jdawwar il-fatt magħruf billi pprova jdawwar l-istorja, partikolarment b’attakk fuq il-membri tal-Ġudikatura li ntagħżlu fi żmien Gvern Nazzjonalista.
Madankollu, hu ma għamel l-ebda referenza għall-kritika internazzjonali fil-konfront ta’ kif kien il-Gvern tal-Labour li għażel persuni qrib tiegħu f’ċerti karigi, bħall-bidliet kontinwi fil-Kummissarji tal-Pulizija.
Iżda jekk kien hemm ħtieġa ta’ konferma li l-Labour weħel fil-passat, kien Chris Agius li fakkar kif hu nnifsu hu veteran tal-Partit, bħal ħafna oħrajn bħalu li għadhom jimmilitaw fil-Labour.
“Illum inqisni wieħed mill-veterani tal-Partit u ili naħdem elezzjonijiet mill-1987.”
Sadanittant, Robert Abela beda l-intervista billi wieġeb kif normalment jgħaddi l-ġurnata tas-Sibt.
“Is-Sibt normali huwa Sibt ta’ xogħol”
U filwaqt li qal li normalment joqgħod iwieġeb l-emails, ma qalx li, fil-verita’, kulħadd jaf li normalment, hu jgħaddi l-weekend fuq id-dgħajsa jew jieħu xi ġelat fi Sqallija filwaqt li kien idaħħal €28,000 fix-xahar għax skontu, kien jaħdem is-Sibt u l-Ħadd.
//= $special ?>