Il-Prim Ministru Robert Abela kera r-residenza tiegħu fiż-Żejtun lil Russi li riedu jixtru passaport Malti, u dan għamlu mingħajr ma vverifika jekk dawn humiex verament qed jgħixu hemm.
Sabiex persuna tkun tista’ takkwista passaport Malti, din trid tippreżenta provi li għandha ‘rabta ġenwina’ mal-pajjiż, inkluż li verament tgħix f’residenza f’pajjiżna.
Madankollu, jidher li Abela kera daru lil dawn il-persuni mingħajr ma vverifika jekk humiex verament qed joqgħodu fir-residenza mikrija lilhom.
Din hi l-istess dar li l-Prim Ministru preżenti xtara f’żona ODZ wara li ħarġu l-permessi neċessarji.
Għalkemm Abela daħħal eluf kbar mill-kirja lil dawn ir-Russi, id-dar tidher li mhijiex tintuża, b’sinjali ċari ta’ abbandun li jindikaw li ħadd ma għex fiha fl-aħħar snin.
Id-ditta legali ta’ Robert Abela, missieru u martu kienet tbigħ il-passaporti sa ftit tas-snin ilu, u allura żgur li kellha aċċess għall-ismijiet u d-dettalji ta’ persuni li jkun jeħtiġilhom isibu indirizz biex taparsi qed jgħixu fih f’pajjiżna.
Din l-istorja ppubblikata dalgħodu fuq is-Sunday Times tgħid li Abela pprova jiġġustifika din il-kirja billi qal li saret qabel ma kien Prim Ministru, imma mbagħad mistqosi meta ntemm, Robert Abela qal li ma jiftakarx. U mistoqsi jekk dawn ir-Russi qatt verament kinux rifsu l-għatba ta’ din id-dar… anke hawn, Abela stqarr li m’għandux idea.
//= $special ?>
