Elezzjoni 2022 Lokali

Tkompli l-qasma fil-Labour fi spettaklu lussuż

Botta u risposta bejn Robert Abela u Chris Fearne fl-MFCC

Fil-bidu tal-ħames u l-aħħar ġimgħa tal-kampanja elettorali, il-Leader tal-Labour Robert Abela pprova jagħmel ftit damage-control għall-mod kif il-Partit tiegħu nħakem minn qasma qawwija bejnu u d-Deputy Leader Chris Fearne, li sentejn ilu kienu l-ġellieda parteċipanti fil-ġlieda għal-Leadership.

Filfatt, għal aktar minn darba, hu tkarrab li l-Labour hu magħqud wara l-botti kontinwi li Fearne għamel, anke matul din il-kampanja … filwaqt li kkonferma li l-Labour hu maħkum minn dawk li sejħilhom bhala hsibijiet differenti.

“Il-bżonn li nkunu magħqudin. (…) Iva, iva, ilkoll għandna l-ħsibijiet u għandna d-differenzi ukoll.”

Fl-istess waqt, Abela qal li kien hu u martu Lydia li baqgħu u se jibqgħu qrib in-nies, filwaqt li nesa għal kollox lis-suppost sieħbu Chris Fearne bħala Deputy Leader.

Dwar il-wegħdiet li qed iressaq il-Labour, Abela fakkar li jrid jibgħat lill-ħaddiema u lin-negozjanti jiddejnu, għalkemm ipprova jbenġel din il-wegħda billi qal li l-flus mhumiex kollox.

“Il-flus, il-flus mhumiex kollox.”

U dwar il-perjodu li ħakmu lil pajjiżna kawża tal-pandemija tal-Covid-19, Abela pprova jbiddel l-istorja meta qal li l-Gvern ma għalaq qatt … għalkemm kulħadd jaf li l-aħħar sentejn kienu maħkumin minn lockdown wara l-ieħor, b’Abela jneħħi r-restrizzjonijiet biss meta jaqbel lilu u lill-partit tiegħu.

“Tinkwieta! Iljieli ma torqodx. (…) Li taħt pressjoni ma togħtorx. Hawn min għotor taħt pressjoni ta’ 4 ġimgħat kampanja elettorali u aħna f’pandemija ta’ sentejn, mhux talli ma għotornix, talli ksibna r-riżultati.”

Iżda kulħadd jiftakar kif Robert Abela għotor għall-pressjoni meta Malta kienet mifnija b’każijiet u mwiet rekord bil-COVID-19:

“Illum mhux suppost qiegħed xogħol għax qiegħed bil-medication biex ġejt hawnhekk u dalgħodu qgħadt nisma’ lil Chris u Charmaine ħdejja. Nisma’ għax sinċerament ma flaħtx bi sturdament li għandi. (…) Dil-pressjoni enormi. Ara taħsbu li mhijiex pressjoni li lili l-ewwel wieħed kissritni lili f’dawn l-aħħar xhur.”

Fid-diskors tiegħu, Robert Abela saħansitra qabbel lilu nnifsu ma’ missjunarju:

“Din il-kampanja elettorali dħalna għaliha bħala missjoni”

Madanakollu kien hu li daħħal €28,000 fix-xahar mingħand l-Awtorità tal-Ippjanar għaliex skontu, kien jaħdem is-Sibtijiet u l-Ħdud. Kien hu li daħħal €45,000 f’deal fuq propjetà ma’ allegat kriminal u kien taħt l-istess Gvern tiegħu li l-LESA ħaffret lill-istess allegat kriminal bi €3 miljun f’ċitazzjonijiet.

Sadanittant, il-Labour reġa’ ċeda għall-pressjoni tal-qasma billi, fl-ahhar, ta spazju matul rally lid-Deputy Leader Chris Fearne, xi ħaġa li s’issa ma għamilx għax ma riedx jirriskja li tinkixef aktar il-qasma fil-partit.

Fil-fatt, Fearne mill-ewwel fakkar li daħal fil-Kabinett grazzi għal Joseph Muscat, filwaqt li appella għall-għaqda, li tidher li hi daqstant meħtieġa bħalissa fil-Labour.

“Meta nkunu magħqudin, meta nkunu ponn wieħed, meta nkunu qaqoċċa, m’hawn xejn li ma nistgħux nagħmlu.”

Huwa tefa’ botta għal kif Robert Abela għotor għall-pressjoni meta Malta kienet mifqugħa b’ħafna każijiet u mwiet bil-COVID-19:

“Li tmexxi pajjiż mhux xi passatemp.”

F’diskors kollu mistoqsijiet dwar jekk il-Gvern Laburista huwiex kompetenti, Fearne naqas milli jsemmi jekk il-Labour kienx kompetenti fis-settur finanzjarju meta niżżel lil Malta fil-greylist u mhux b’anqas, b’150 skandlu f’9 snin.