Lokali Qorti

Żewġ żgħażagħ mixlijin li serqu figurini tal-Playmobil valur ta’ aktar minn €10,000

Żewġt żgħażagħ inżammu arrestati l-Ħadd wara li wieġbu mhux ħatja li serqu figurini mill-fabbrika Playmobil u ġugarelli oħra li jiswew aktar minn €10,200. L-irġiel inqabdu mill-pulizija wara tfittxija ta’ erba’ sigħat fil-maħżen tal-Playmobil f’Ħal Far.

Huma ġew arrestati għall-ħabta tal-5.00 am is-Sibt filgħodu. Is-serqa seħħet bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa iżda t-tnejn allegatament irritornaw fil-maħżen l-għada għal aktar ġugarelli iżda nqabdu mill-pulizija. Clyde Mallia ta’ 22 sena minn Ħal Għaxaq u Massimo Fasanelli ta’ 22 sena wkoll minn Wied il-Għajn ġew mixlija b’din is-serqa.

Kien il-Manager tal-Playmobil li fis-17 ta’ Marzu għamel rapport fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Birżebbuġa dwar is-serqa. Minn filmati tas-CCTV irriżulta li l-akkużati daħlu fil-post u damu hemm sagħtejn. Għaddejja wkoll inkjsta fuq il-każ. Huma nqabdu fil-fatt mill-Pulizija meta marru t-tieni darba.

Huma wieġbu mhux ħatja wkoll għal attentat ta’ serqa minn residenza fi Triq Salvu Bonanno f’San Ġwann wara nofsinhar tad-9 ta’ Marzu. It-tnejn, li huma reċidivi, ġew mixlija wkoll li kkaġunaw ħsarat b’valur ta’ aktar minn €2,000 fir-residenza ta’ San Ġwann u li s-serq ta’ vann li allegatament intuża fis-serq.

Fasanelli waħdu kompla akkużat bis-serq ta’ għodda mill-bini l-ġdid tal-Malta Business Registry fiż-Żejtun kmieni s-Sibt filgħodu. Mallia ġie mixli wkoll li wettaq reat waqt li kien fuq garanzija fuq kawża differenti filwaqt li Fasanelli ġie mixli li kiser il-pleġġ fuq żewġ każijiet oħra.

Il-Maġistrat Ian Farrugia ċaħad it-talba tagħhom għall-ħelsien mill-arrest u t-tnejn inżammu taħt arrest preventiv. L-Ispetturi tal-Pulizija Jonathan Cassar, Doriette Cuschieri u Jean Paul Attard mexxew il-prosekuzzjoni. L-avukati Franco Debono u Francesca Zarb irrappreżentaw lil Mallia filwaqt li l-avukat Herman Mula deher għal Fasanelli.