Quddiem il-partitarji fix-Xagħra, Robert Abela illejla stqarr li hu ma jridx jinċentiva l-iżvilupp ta’ bini fil-periferija tal-irħula – iżda lill-istess partitarji, Abela ma qalilhomx li hu iltaqa’ ma’ Joseph Portelli jiem biss qabel ġie approvat żvilupp kważi mal-irdumijiet tar-raħal Ta’ Sannat.
Kien fl-istess raħal fejn il-Leader tal-Labour kiel mal-iżviluppaturi 5 ijiem biss qabel ma ħarġilhom permess għal żvilupp f’art ODŻ f’Ta’ Sannat, fost allegazzjonijiet li rċieva donazzjonijiet b’riżq il-kampanja elettorali Laburista.
Għalkemm il-kelma ambjent issemmiet kemm-il darba f’din l-attività Laburista, fl-ebda mill-ħin ma ssemma’ dan l-iżvilupp kontroversjali fid-dawl li kienu s-Sindki kollha t’Għawdex li kkundannaw il-qerda tal-ambjent f’Għawdex u l-iżvilupp eċċessiv f’din il-gżira li qed teqred il-karatteristika tagħha.
Fost dawk is-Sindki, f’din l-attività tkellem Paul Buttiġieġ, Sindku tal-Qala’, li ddeskriva t-taħbit u t-taqtiegħ il-qalb li jaffaċċja l-Kunsill biex jiddefendi l-ambjent.
Intant, fost il-paniku li qed jahkem lil-Labour, Robert Abela ordna li l-ewwel attivita’ taħt it-Tinda tal-aħħar ġimgħa tal-kampanja elettorali tkun f’Għawdex, f’tentattiv ieħor biex sieħbu Clint Camilleri jikseb aktar appoġġ mis-suppost sieħbu Anton Refalo u oħrajn.
Fil-fatt, appena kienu introdotti l-Kandidati Laburisti, dehret ċara x-show of force fil-konfront ta’ Camilleri kontra Anton Refalo.
U għal darb’oħra, spikka n-nuqqas tal-eks Ministru Laburista, Justyne Caruana, li fl-ebda mill-erba’ attivitajiet pubbliċi li saru s’issa f’Għawdex ma kienet preżenti bl-ebda mod, f’mossa oħra biex il-Labour ikompli jakkomoda lil Clint Camilleri.
Persuni li tkellmu ma’ NET News fil-post stess innotaw kif il-Labour kien selettiv kif jirreklama din l-attivita’, f’botta diretta li dan sar biex Camilleri jkollu l-esklussivita’ jġib lin-nies tiegħu biss.
Messaġġ ta’ appoġġ wasal ukoll mill-MEP Laburista Alex Saliba, magħruf kemm hu ta’ ġewwa sew fil-klikka ta’ Robert Abela, li diġa’ ddikjara lil Clint Camilleri bħala l-Ministru ta’ Għawdex jekk il-Labour jirbaħ l-elezzjoni ġenerali tas-Sibt li ġej.
Min-naħa tiegħu, is-Sindku tal-Qala’ Paul Buttigieg qal li l-proġetti fil-gżira Għawdxija għandhom isiru biex wieħed ikun jista’ jtellaq il-karozzi u jagħmel il-hillclimbs.
Sadanittant, fost ir-retorika li smajna fl-aħħar erba’ ġimgħat, Robert Abela pprova jdawwar l-istorja kif jaqbillu billi qal li Għawdex beda jgawdi biss minn meta tela’ l-Labour.
Dan meta, fil-verita’, l-Għawdxin stess jafu li dan mhux minnu, bid-diversi proġetti kontinwi li għamel Gvern Nazzjonalista wara l-ieħor.
//= $special ?>