Sport Sport Ieħor

Boris Becker jixhed quddiem il-qorti f’Londra

Boris Becker deher fil-qorti ta’ Londra Crown Court Southwark flimkien mas-sieħba attwali Lilian de Carvalho Monteuro fejn beda jgħaddi ġuri minħabba akkużi ta’ falliment. Becker kien kostrett li saħansitra jbiegħ it-trofej li rebaħ matul il-karriera biex iħallas id-djun li għandu. Illum minn tennista għal kummentatur tal-BBC għal Wimbledon, ta’ 54 sena, kien iddikjarat fallut fl-2017, issa huwa akkużat li ma żammx mal-obbligi li jiżvela informazzjoni dwar proprieta’ fil-Germanja u fl-Ingilterra.

Is-sitt darbiet champion tal-Grand Slam huwa allegat li naqas milli jgħaddi diversi trofej bħala garanziji , fosthom it-trofej ta’ Wimbledon tal-1985 u 1986, kif ukoll iż-żewġ trofej tiegħu tal-Open tal-Awstralja. Becker, fis-Southwark Crown Court jinsab akkużat ukoll li ttrasferixxa somom kbar ta’ flus f’kontijiet oħra, fosthom lill-eks mara Barbara Becker, u lit-tieni mara Sharlely Becker. L-eks numru wieħed fid-dinja tat-tennis, qed jiffaċċja proċess ta’ tliet ġimgħat b’rabta ma’ aktar minn 20 akkuża . Boris Becker, imlaqqam “Boom, Boom”għas-servizz b’saħħtu tiegħu, rebaħ Wimbledon għat-tielet darba fl-1989.

Rebaħ ukoll l-Open tal-Awstralja darbtejn u l-Open tal-Istati Uniti, u sar l-aqwa plejer fid-dinja fl-1991. Becker, li daħħal aktar minn 25 miljun dollaru matul il-karriera bħala plejer ittella l-qorti fl-2013 bħala l-kowċ ta’ Novak Djokovic meta s-Serb rebaħ sitt trofej tal-Grand Slam oħra qabel ma t-tnejn infirdu fl-2016. Il-ħajja privata imħarbta ta’ Becker żammitu dejjem fl-aħbarijiet inkluż bint imnissla f’laqgħa qasira ma’ mudella Russa f’ristorant ta’ Londra.

Fl-2002, qorti fi Munich ikkundannat lil Becker għal sentejn ħabs sospiżi u multa ta’ 300,000 ewro għal evażjoni tat-taxxa ta’ madwar 1.7 miljun ewro.