Elezzjoni 2022 Lokali Proposti 2022

Gvern Nazzjonalista se jagħti allowance lill-frontliners kollha u jtejjeb l-iskali tal-pagi tal-ħaddiema tal-Gvern

L-impjegati fis-servizz pubbliku huma s-sinsla tal-amministrazzjoni pubblika li jagħtu s-servizzi tal-Gvern, għalhekk Gvern ġdid Nazzjoanlist se joffri kundizzjonijiet aħjar għal dawn l-impjegati.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Kap tal-Partit Nazzjonalsita Bernard Grech qal li pedina kruċjali huwa s-Servizz Pubbliku li fl-aħħar snin iżżarma, fejn ħafna mill-ħiliet u t-talenti li hemm fih twarrbu biex ġie miżgħud bil-persons of trust. Huwa qal li Gvern Laburista wiegħduna l-meritokrazija u tawna nepotiżmu, iżda Gvern ġdid Nazzjonalisita se jerġa’ jagħti d-dinjita’ lura lis-servizz pubbliku.

Bernard Grechh qal li l-PN iddedika kapitlu sħiħ fil-Viżjoni tiegħu għas-settur pubbliku kif ukoll fassal Pakkett Speċjali ta’ Miżuri li ġew żviluppati fil-Cluster tas-Servizz Pubbliku bil-kontribut ta’ ħafna persuni li jaħdmu fih u li għandhom għal qalbhom it-tisħiħ tiegħu.

Aħna qed inwiegħdu li nelevaw ir-riforma fis-servizz u s-settur pubbliku fuq livell ministerjali biex it-twettiq tat-trasformazzjoni jkollha l-impenn politiku fl-għola livell.

L-uffiċjali pubbliċi baqgħu jistinkaw f’xogħolhom minkejja l-pandemija u minkejja n-negliġenza politika li nqabbdet fiha l-amministrazzjoni pubblika f’dawn l-aħħar snin konsegwenza tal-klima instabbli u l-kilba għall-poter li ħakkmet lill-eżekuttiv.

Bernard Grech qal li l-PN qed iwiegħed li minflok il-miljuni li qed jitberbqu bħalissa għas-salarji eżaġerati tal-pożizzjonijiet inutli ta’ fiduċja, għan-nefqa diskrezzjonali u għad-direct orders ta’ inkarigi esterni żejda, se jagħti allowance lill-frontliners kollha, fosthom lill-ħaddiema tal-kura tas-saħħa, dawk fl-oqsma soċjali, lill-edukaturi, u lill-ħaddiema fil-korpi dixxiplinati bħala bonus annwali ekwivalenti għas-salarju bażiku ta’ erba’ ġimgħat tal-impjegat rispettiv. Din il-miżura ser tiffinanzja lilha nnifsha kompletament għaliex ser tiġi ffrankata l-ħela.

Qed inwiegħed wkoll li l-politika tal-outsourcing imħaddma mill-gvern se tinbidel biex attivitajiet li huma fiċ-ċentru tal-operat tal-gvern ma’ jibqgħux ikunu sors ta’ diskriminazzjoni sponsorjata mill-gvern. Taħt l-ebda ċirkostanza mhu se jibqa’ jiġi aċċettat li ħaddiema jagħmlu l-istess xogħol u ma’ jitħallsux fuq bażi simili. Il-kunċett ta’ equal pay for equal work ser jitħaddem l-ewwel fl-entitajiet tal-gvern biex iservi ta’ mudell,

Il-PN se jiffoka aktar fuq il-benesseri u l-iżvilupp personali tal-impjegati pubbliċi, b’mod li l-Gvern ikun xempju għal min iħaddem u sabiex nerġgħu nibdew innisslu r-rispett lejn is-Servizz Pubbliku u l-ħaddiema tiegħu.

  • Nirrevedu u ntejjbu l-iskali tal-pagi tal-ħaddiema kollha tal-Gvern biex jirriflettu is-suq u b’hekk jattiraw l-aqwa talent fi-Servizz Pubbliku. Dan filwaqt li nassiguraw li ma jkunx hemm dewmien żejjed fl-għeluq ta’ ftehim kollettiv fis-servizz bil-mira li ftehim kollettiv ġdid ikun konkluż 3 xhur qabel ma jiskadi.
  • Nintroduċu għotja ekwivalenti għal sena paga, eżenti mit-taxxa tad-dħul, lill-ħaddiema tal-Gvern li jirtiraw. Tali pagament ikun dovut meta l-ħaddiem jilħaq l-eta’ tal-pensjoni u dan b’rikonoxximent għax-xoghol u d-dedikazzjoni, kif ukoll sabiex kemm jista jkun nattiraw l-aħjar nies sabiex jibdew karriera mas-servizz Pubbliku. Din il-miżura tidħol fis-seħħ b’effett immedjat.
  • Ninċentivaw lill-ħaddiema biex jżidu l-effiċċjenza billi nirrikonoxxu u nippremjaw il-bżulija permezz ta’ sistema ta’ performance bonus li tippremja l-produttiva u l-ħidma tal-ħaddiema kollha fis-servizz pubbliku. Illum dan japplika biss għal numru żgħir ta’ pożizzjonijiet u għalhekk ser nestendu dan il-kunċett f’ħafna aktar gradi.
  • Nirrikonoxxu l-esperjenza u nimmotivaw aktar żvilupp personali u professjonali tal-ħaddiema. Jingħataw punti lill-ħaddiema skont l-esperjenza u t-taħriġ li jieħdu mill-IPS li jservu ta’ bażi għall-promozzjoni u kreditu għal punti waqt interviews u proċessi ta’ għażla.
  • Infasslu politika trasparenti li tiffaċilita transfers ta’ ħaddiema permezz ta’ sistema apposta li tgħin lill-ħaddiema jiċċaqalqu minn post tax-xogħol għal post ieħor b’mod strutturat. Dan ukoll permezz ta’ transfer pool skont il-kategoriji u s-settur varji u a termini ta’ żmien raġonevoli u permezz ta’ mekkaniżmu trasparenti online.
  • Insaħħu family friendly measures billi nimplimentaw il-pakkett ta’ inizjattivi ta’ bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol fl-ewwel sitt xhur ta’ gvern ġdid. Jissaħħu miżuri ta’ telework u remote working b’minimu ta’ ġurnata telework/remote work u massimu ta’ erbat’ ijiem. Fil-każ ta’ ħaddiema Għawdxin li jaħdmu f’Malta l-minimu jkunu jumejn telework/remote work fil-ġimgħa.
  • Indaħħlu miżuri għal flessibilta akbar fosthom l-użu ta’ aktar ġranet ta’ sick leave biex ħaddiema jieħdu ħsieb lil uliedhom ma jifilħux jew qraba anzjani morda tagħhom. Simili wkoll f’każijiet fejn ħaddiema jridu jakkumpanjaw ulied u qraba għal trattament barra minn Malta.
  • Nippromwovu l-eżerċizzju u s-saħħa mentali permezz ta’ leave speċjali għall-attività fiżika.