Il-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu ma ġietx ikkonsultata fil-ftehim li għamel il-Ministru tat-Turiżmu Clayton Bartolo fejn tħabbar li VisitMalta se tkun sponsor ewlieni tat-tim internazzjonali taċ-ċikliżmu Eolo Kometa Cycling Team.
Għalkemm il-federazzjoni hi favur li ċiklisti Maltin jistgħu jibbenifikaw minn dan il-ftehim, il-federazzjoni irrimarkat kif fl-ebda ħin ma kienet ikkonsultata dwar dan il-ftehim, li jikkonċerna direttament lilhom, liċ-ċiklisti u lill-atleti Maltin.
Fl-istqarrija tagħha il-federazzjoni iddeskrivit bħala “tal-mistħija” l-aġir tal-awtorita tat-turiżmu, hekk kif ftit ilu din naqset milli tagħti l-għajnuna lill-federazzjoni fl-organizzazzjoni tat-Tour ta’ Malta.
Filwaqt li l-Ministru tat-Turiżmu jitkellem ħafna fuq it-turiżmu sportiv, hu naqas milli jagħti l-għajnuna neċċessarja lill-kompetizzjoni internazzjonali organizzata f’Malta, li diġa tiġġenera turiżmu fil-qasam sportiv lejn il-pajjiż.
B’kuntrast għal dan, il-Partit Nazzjonalista permezz tal-proposti bla preċedent dwar l-isport, huwa kommess li jsaħħaħ it-turiżmu sportiv f’pajjiżna fosthom bil-bini ta’ Kampus tal-Innovazzjoni sportiva, filwaqt li se titwaqqaf entita’ speċifika biex tattira avvenimenti sportivi lejn Malta.
Permezz ta’ dawn il-prposti fost oħrajn, l-isport isir verament parti integrali mis-setturi ekonomiċi ta’ pajjiżna, filwaqt li l-atleti Maltin ikollhom ċans fejn jimirħu u jkabbru l-abiltajiet tagħhom.
Għaldaqstant, il-federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu qed titlob li jkunu ppublikati id-dettalji ta’ dan il-fethim minnufih biex ikun żgurat fil-konkret, x’tip ta’ għajnuna se jgawdi minnha iċ-ċikliżmu f’Malta.
//= $special ?>