Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: It-truppi Russi jisparaw fuq id-dimostranti f’Kherson

Il-qawwiet Russi li qed jokkupaw il-belt ta’ Kherson fetħu n-nar fuq dimostranti Ukreni li kienu qed jipprotestaw dwar l-invażjoni ta’ pajjiżhom.

Il-filmati li bdew jiċċirkolaw fuq il-media soċjali wrew id-dimostranti qegħdin jiġru fil-pjazza ta’ Kherson fost l-isparar tal-armi awtomatiċi. Intant, spiċċaw midruba numru ta’ dimostranti, bl-osservaturi ma jeskludux li mietu xi wħud fost il-folla.

Il-qawwiet Russi użaw anki s-stun grenades ‘biex jirristawraw l-ordni’ fil-belt fejn bħalissa għaddejjin il-protesti popolari kontinwi kontra l-preżenza tal-qawwiet tal-Kremlin.

Il-belt ta’ Kherson hi l-akbar fost il-ftit bliet tal-Ukrajna li waqgħu f’idejn ir-Russi mill-bidu tal-invażjoni.