L-indikazzjonijiet mir-Russja huma li numru sostanzjali ta’ ċittadini qegħdin jitkeċċew mix-xogħol wara li bagħtu messaġġi ta’ diżapprovazzjoni għall-gwerra fuq il-mezzi tal-media soċjali, fosthom Facebook u Instagram.
Dan meta l-Kremlin tal-President Vladimir Putin kompla juri l-ponn tal-ħadid maċ-ċittadini Russi li ma jaqblux mal-invażjoni tal-Ukrajna, b’Moska bl-ebda mod mhi se tippermetti ‘livell ta’ dissens ta’ dan it-tip.’
Wara li r-Russja invadiet lill-Ukrajna fl-24 Frar, diversi eluf ta’ Russi — partikularment f’Moska u San Pietruburgu — esprimew l-oppożizzjoni għall-hekk-imsejħa ‘kampanja militari speċjali’ tal-Armata ta’ Putin fl-artijiet Ukreni. U issa, qed jidher li ħafna minn dawn anki qegħdin ‘iħallsu b’xogħolhom’ wara li ffirmaw il-petizzjonijiet jew bagħtu l-istqarrijiet kontra l-gwerra fuq Facebook.
Qed ikunu oppressati wkoll iċ-ċittadini Russi li ħarġu fit-toroq biex jgħidu ‘le għall-gwerra’ , bl-awtoritajiet Russi jarrestaw l-eluf tad-dimostranti fost l-introduzzjoni ta’ liġi ġdida li timponi sa 15-il sena ħabs għar-Russi li ‘jinqabdu jferrxu l-informazzjoni qarrieqa dwar il-militar ta’ Moska’.
//= $special ?>