Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Litwanja qal li l-Unjoni Ewropea ma għandiex iżżomm lura milli tkompli bis-sanzjonijiet fuq ir-Russja. Appell ieħor kien biex ma jieqfux l-isforzi kontinwi għall-għajnuna lill-Ukrajna li spiċċat attakkata mill-ġar (ir-Russja) mingħajr l-ebda provokazzjoni.
Il-Litwanja – u pajjiżi Baltiċi oħrajn bħal-Latvja u l-Estonja – qed jinkwetaw li f’sitwazzjoni fejn l-Ukrajna taqa’ taħt il-kontroll tar-Russi, il-President Russu Vladimir Putin jipprova ‘jespandi l-imperu tiegħu’ fi bnadi oħra tal-Ewropa tal-Lvant, fost il-qawmien ta’ ‘Unjoni Sovjetika ġdida’.
Dan ukoll meta l-Litwanja, il-Latvja u l-Estonja – it-tlieta membri tal-Unjoni Ewropea – kienu jiffurmaw parti mill-Unjoni Sovjetika (komunista) l-antika qabel il-waqgħa tal-Purtiera tal-Ħadid fl-1989-90.
Sadanittant, il-Ministru Litwan, Gabrielius Landsbergis, enfasizza l-importanza tas-sanzjonijiet fuq il-Gvern ta’ Putin waqt li kien qed jattendi laqgħa għall-Ministri Ewropej għad-Difiża u l-Affarijiet Barranin, fi Brussell.
Hu spjega li ‘wieħed ma jistax jaħrab minn taħditiet relatati ( mas-sanzjonijiet) fis-settur tal-enerġija’ u li l-Ewropa għandha tindirizza b’urġenza il-kwistjoni taż-żejt bħala r-riżors li jipprovdi lir-Russja bl-akbar dħul. Landsbergis qal ukoll li l-Ewropa mgħandhiex issibha daqshekk diffiċli biex issib sorsi taż-żejt oħrajn filwaqt li taqta’ kemm tista’ id-dipendenza tagħha fuq Moska f’dan is-settur.
//= $special ?>