Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: ‘Paniku sħiħ dwar iz-zokkor’ fost ir-Russi

L-aktar ħaġa li, bħalissa, qed tinkwieta lill-poplu fir-Russja hi n-nuqqas ta’ ikel —  b’mod partikulari z-zokkor – fis-supermarkets tal-pajjiż u li hu konsegwenza diretta tas-sanzjonijiet imposti fuq it-Tmexxija f’Moska.

Ta’ inkwiet ukoll hi l-ispiża li dejjem qed titla’ tal-prodotti essenzjali li għadhom qed f’Moska u bliet oħrajn tar-Russja.

Sadanittant, il-fatt li z-zokkor sparixxa mill-ixkafef tas-supermarkets qed iqanqal ‘paniku’ fost iċ-ċivili Russi li qed ikollhom jidraw sistema ta’ restrizzjonijiet għal ċerti tipi ta’ ikel.

Mhux l-ewwel darba li l-konsumaturi fis-supermarkets tar-Russja qed jispiċċaw jiġġieldu bl-idejn għall-pakketti taz-zokkor u ikel ieħor li saru skarsi ħafna mindu l-Kremlin bagħat lit-truppi tiegħu fl-Ukrajna.

Fl-istess ħin (fir-Russja) daħlet sistema ta’ ‘rationing’ għall-melħ u ż-żejt tat-tisjir, fost lista sħiħa ta’ ikel li saru suġġetti għar-restrizzjonijiet. Dan waqt li l-media fir-Russja qed tipprova toħloq ‘realtà differenti’ għal dak li qed iseħħ bħalissa fl-artijiet tal-Ukrajna – minbarra li ssostni l-ħrafa li l-poplu Russu mhux qed ikun affettwat mis-sanzjonijiet tal-Punent.