Il-Partit Nazzjonalista talab biex il-Kummissjoni Elettorali tħassar l-votazzjoni li saret nhar is-Sibt 19 ta’ Marzu fil-Faċilitá Korrettiva ta’ Kordin. Dan wara li kien hemm persuni li ma kellhomx id-dritt għall-vot u vvutaw xorta.
Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino bagħat ittra lill-Kummissarju Elettorali fejn talbu biex titħassar il-votazzjoni li saret nhar is-Sibt li għadda fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u torganizza mill-ġdid I-istess votazzjoni. Dan wara li tkun aġġornata l-lista tal-eletturi skont il-ligi, liema lista għandha teskludi dawk il-persuni li huma skwalifikati a priori milli jivvutaw skont Artikolu 58 tal-Kostituzzjoni.
Skont Artikolu 58 (b) tal-Kostituzzjoni ta’ Malta, “ħadd ma jkun kwalifikat li jkun reġistrat bħala elettur għall-elezzjoni ta’ membri tal-Kamra tad-Deputati jekk ikun taħt kundanna ta’ mewt imposta fuqu minn xi Qorti f’Malta jew ikun ged jiskonta kundanna ta’ priġunerija ta’ iżjed minn tnax-il xahar imposta fuqu minn Qorti jew sostitwita minn awtoritá kompetenti għal xi kundanna oħra imposta fuqu.
Nhar is-16 ta’ Marzu, permezz ta’ email, il-Kummissjoni Elettorali bagħtet lid-delegati tal-partiti politiċi lista tal-votanti li se jkunu qed jivvutaw fil-kaxxi imħallta fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Erbat ijiem qabel il-jum tal-votazzjoni fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, il-Partit Nazzjonalista, permezz tad-delegat tiegħu fil-Kummissjoni Elettorali, informa lill-istess Kummissjoni Elettorali li hija naqset milli tikkancella mill-inqas isem wieħed mil-lista tal-votanti fl-istess facilità, u dan wara li fis-6 ta’ Jannar 2022 din il-persuna giet ikkundannata għal għaxar snin u sitt xhur priġunerija.
Il-Partit Nazzjonalista ġibed ukoll l-attenzjoni tal-istess Kummissjoni Elettorali li jista’ jkun hemm persuni oħra li isimhom m’għandhomx ikun fil-lista ta’ votanti minħabba li huma skwalifikati milli jkunu eletturi skont Artikolu 58 (b) tal-Kostituzzjoni ta’ Malta, u li għalhekk il-Kummissjoni kellha tagħmel dawk il-verifiki kollha sabiex taċċerta li kull minn huwa skwalifikat milli jivvota skont il-Kostituz:joni ta’ Malta jinżamm milli jivvota.
Minkejja din it-twissija tal-Partit Nazzjonalista. il-Kummissjoni Elettorali baqgħet ma rreveditx il-lista ta’ votanti u għaldaqstant ipproċediet bl-elezzjoni minkejja li l-lista ta’ votanti kienet tinkludi persuni li huma skwalifikati a priori milli jivvutaw skont I-istess Artikolu 58 tal-Kostituzzjoni.
Għalhekk huwa ċar li l-lista ta’ madwar mija u tmenin persuna, kif fornita mill-Kummissjoni Elettorali, kienet tinkludi għexieren ta’ ismijiet ta’ persuni skwalifikat milli jkunu eletturi li jvvutaw, u l-Kummissjoni Elettorali ma ħadet ebda passi sabiex dawn jinżammu milli jivvutaw.
//= $special ?>