Hekk kif issa jonqos biss ħamest ijiem għal jum tal-votazzjoni, sal-Ħadd kien fadal madwar 21,500 dokument tal-vot li għadhom mhux miġbura.
Dawn id-dokumenti jistgħu jinġabru mill-Uffiċċju Elettorali fin-Naxxar, jew, għall-votanti reġistrati f’Għawdex, mill-Uffiċċju tal-Karta tal-Identità fi Pjazza San Franġisk, ir-Rabat Għawdex.
Il-ħinijiet tal-ġbir huma bejn it-8.00am sas-1.00pm u bejn it-3.00pm u d-9.00pm. L-aħħar jum tal-ġbir huwa l-Ħamis, 24 ta’ Marzu bejn it-8.00am u s-1.00pm u bejn it-3.00pm u nofsillejl. Id-dokument irid jinġbar personalment, permezz tal-karta tal-identità.
Il-Kummissjoni tavża li votanti li huma rreġistrati fuq Għawdex u jixtiequ li jiġbru d-dokument tal-votazzjoni minn Malta, jew votanti li huma rreġistrati Malta u jixtiequ li jiġbru d-dokument għall-votazzjoni tagħhom minn Għawdex, għandhom jagħmlu t-talba bil-miktub malajr kemm jista’ jkun.
Il-Kummissjoni Elettorali qed tħeġġeġ lil min se juża dan is-servizz biex ma jħallix sal-aħħar ħin, jiġifieri l-Ħamis fis-6.00 p.m. minħabba li jekk ikun hemm ċirkostanzi li mgħandhiex kontroll fuqhom bħal per eżempju f’każ ta’ maltemp, ma jkunx possibbli li d-dokument jinġieb fil-ħin stabbilit.
Importanti ħafna li t-talba ssir fuq bażi personali jew permezz ta’ email fuq maltagozo.electoral@gov.mt jew permezz ta’ formola, liema formola tista’ tintbagħat b’mod personali jew permezz ta’ email. Anke f’dan il-każ id-dokumenti f’Malta jinġabru mill-Kumpless tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar u dawk f’Għawdex mill-Uffiċċju tal-Karta tal-Identita’ fir-Rabat Għawdex, permezz tal-Karta tal-Identità.
Intant, il-Kummissjoni Elettorali għamlet arranġamenti speċjali għal min hu pożittiv għall-Covid jew fi kwarantina. Il-Kummissjoni qed tikkuntattja lil dawn il-persuni u tinfurmahom dwar fejn iridu jmorru jivvutaw hekk kif ġew imwaqqfa ċentri apposta f’Malta u Għawdex għal dan l-iskop biex ikun evitat aktar tixrid tal-virus.
Dawk li huma infettati jew fi kwarantina u li m’għandhomx id-dokument tal-vot f’idejhom għandhom ikellmu lill-Kummissjoni sabiex id-dokument jitwassallu d-dar.
//= $special ?>