Sport Sport Ieħor

Luxol jibqgħu fl-ewwel post wara rebħa diffiċli

(Ritratt: Joe Borg)

Luxol St Andrews saħħew l-ewwel post tal-klassifika tal-Enemed Futsal Premier League meta għelbu lil Ta’ Xbiex bl-iskor ta’ 4-2. Din it-13-il rebħa konsekuttiva għat-tim minn St Andrews ma kinitx faċli minħabba li Ta’ Xbiex offrew oppożizzjoni iebsa għalkemm xorta ma setgħux jevitaw il-ħames telfa staġjonali.

Stefi Cale poġġa lil Ta’ Xbiex minn fuq sabiex it-tim immexxi minn Gabriel Dobre dawwar l-iskor favurihom permezz ta’ doppjetta ta’ Gia Nikvashvili u Maicon. Ta’ Xbiex bdew jagħfsu sabiex jieħdu xi ħaġa minn din il-partita għalkemm skorjaw darb’oħra biss permezz ta’ Jonathan Caruana. Ftit qabel tmiem il-partita Nikvashvili skorja t-tielet gowl personali sabiex aċċerta lit-tim tiegħu mir-rebħa finali.

L-Universita’ ta’ Malta reġgħu rritornaw għar-rebħ meta għelbu lil Mellieħa bl-iskor konvinċenti ta’ 8-2. Guillherme Fonseca ispira lit-tim tiegħu bi tripletta filwaqt li Jean Noel Azzopardi, Essa Benatiya, Cleavin Portelli, Paul Scerri u Mohammed Elamari ukoll niżżlu isimhom fost l-iskorers.

Għal Mellieħa naqqsu l-marġni tal-iskor Ciprian Socaciu u Armando Gjepali. Mill-Enemed Futsal Challenger League, Naxxar Lions baqgħu jżommu l-ewwel post tal-klassifika wara li rreġistraw rebħa komda ta’ 3-0 kontra Marsaskala. Valen Petrie McKay skorja doppjetta filwaqt li Darren Grech wkoll niżżel ismu fost l-iskorers.

F’logħba ferm inkredibbli, St George’s dawwru telfa f’rebħa sabiex għelbu lil Qormi bl-iskor ta’ 6-5. Dawn tal-aħħar kienu 4-1 minn fuq iżda reazzjoni furjuża tat-tim mill-Kottonera kienet importanti sabiex kisbu t-tliet punti finali. Leon Camilleri u Luis Lopez skorjaw doppjetta kull wieħed filwaqt li Vuk Rankovic u Karl Luke Schembri żiedu aktar gowl għat-tim minn Bormla.

Qormi li taw logħba iebsa lill-avversarji tagħhom sabu x-xibka permezz ta’ doppjetta ta’ Ayrton Duncan, Christian George Mallia, Craig Pickard u awtogowl. Finalment spikkat ukoll il-logħba bejn Siġġiewi u Żurrieq li fiha ġew skorjati xejn inqas minn 13-il gowl. Kienu s-Siġġiwin li rebħu 7-5 f’partita li kien fiha emozzjonijiet kbar.

Il-plejer Brażiljan Wallace Oliveira kien awtur ta’ żewġ gowls b’Ryan Muscat, Justin Theuma, Kurt Darmanin, Darren Attard u Jean Lopez iżidu aktar gowls għal Siġġiewi. Żurrieq baqgħu fil-logħba tul l-40 minuta bil-plejer kowċ tagħhom Boycho Marev jiskorja poker filwaqt li Nicholas Abdilla żied ieħor.