Lokali Qorti

Pakkett Khat kellu t-tikketta bħala “te iswed”

Żewġ nisa Somali akkużati bl-importazzjoni tad-droga f’pakkett li wasal bil-posta u li kien fih l-istimulant khat ipprojbit ingħataw il-ħelsien mill-arrest, ġimgħatejn wara li tressqu l-Qorti. Ayan Awil Mohamed ta’ 26 sena u Hodon Aden Farah ta’ 42 sena, it-tnejn mis-Somalja kienu ilhom arrestati mid-9 ta’ Marzu meta kienu tressqu l-Qorti, mixlija li importaw, biegħu u pussess ta’ khat.

Meta tressqu l-Qorti, l-Ispettur tal-iskwadra tad-droga Mark Anthony Mercieca kien qal kif in-nisa kienu ġew arrestati wara li l-pulizija ġew infurmati bil-pakkett suspettuż mid-dwana. L-oġġett tal-posta kien ġie indirizzat lil proprjetà fil-Pieta u nstab li kien fih sustanza qisha ħaxix aħdar, li huma ssuspettaw li kienet droga pprojbita.

Is-sustanza ġiet analizzata u nstabet li hija l-khat, stimulant li huwa popolari fis-Somalja. Meta kompla l-każ tagħhom quddiem il-maġistrat Natasha Galea Sciberras, l-Ispettur Mercieca xehed dwar l-investigazzjoni, fejn ta aktar dettalji dwar l-investigazzjoni li wasslet għall-arresti.

Huwa qal lill-Qorti li fit-23 ta’ Frar kien ġie kkuntattjat mid-dwana dwar pakkett li kien fih 9kg ta’ sustanza ħadra, suspettata li hija droga. Il-Pulizija kienet innutat li l-pakkett kien intbagħat minn Franza f’indirizz ta’ Guardamangia, indirizzat lil Awil Mohammed Ayan. Il-maġistrat tal-għassa kien ġie infurmat u fetaħ inkjesta.

Testijiet li saru bħala parti mill-inkjesta kkonfermaw li s-sustanza hija l-khat, sustanza kkontrollata f’Malta. Il-pulizija fittxet għal Ayan fid-database tagħhom u sabuha toqgħod fl-istess indirizz imniżżel fuq il-pakkett. Inħareġ mandat ta’ tfittxija u arrest. “Ċempilt in-numru li kien hemm fuq il-pakkett u identifikajt ruħi bħala uffiċjal tal-pulizija mal-persuna li ħadet it-telefonata.

Hija wieġbet li kienet ġejja għall-pakkett issa.’” Hija ġiet arrestata mal-wasla tagħha u fil-vettura tagħha saret tfittxija. Fil-vettura nstabet droga, u l-persuni li kienun fil-karozza ttieħdu għall-interrogazzjoni mill-pulizija. L-Ispettur kien sab ritratti ta’ pakketti simili fuq il-mowbajl ta’ Ayan kif ukoll numri u screenshots tal-pakkett inkwistjoni.

Ayan qalet lill-pulizija li l-mowbajl kien ta’ Hodon. Għalkemm il-pakkett kellu it-tikketta bħala li fih tè iswed, waqt l-interrogazzjoni tagħha, Ayan kienet ammettiet li kienet taf li kien khat u qalet li ma kinitx l-ewwel darba li kienet importata.

Il-persuna Franċiża li kienet xtratha mingħandha kienet riċentament ġiet arrestata. L-ispettur qal li l-koppja tressqu taħt arrest u ilhom jinżammu arrestati minn dakinhar. Żied jgħid li l-istqarrija ta’ Ayan wasslet lill-pulizija għand Hodon u nies oħra kif ukoll implikat persuni barra minn Malta.

L-Avukat Franco Debono talab il-ħelsien mill-arrest għan-nisa, u sostna li għad ma kien hemm l-ebda xhieda ċivili biex jixhdu u li l-provi kienu diġà ġew esebiti. Il-Qorti tat il-ħelsien mill-arrest liż-żewġ akkużati, kull wieħed minnhom kontra depożitu ta’ €4,000 u garanzija personali ta’ €10,000. Ġew ordnati wkoll josservaw curfew u jiffirmaw bail book ta’ kuljum. Il-każ ikompli. L-avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Francesca Zarb huma l-avukati difensuri.