Raġel ġie mixli dwar inċident meta kien fis-sakra f’bar f’Marsaxlokk il-Ħadd, fejn allegatament ta daqqa ta’ ponn lil barman li rrifjuta li jservih aktar alkoħol. Jonathan Caruana ta’ 33 sena minn Marsaxlokk tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras mill-Ispettur Doriette Cuschieri akkużat li kkaġuna ħsara volontarja fil-bar, u li weġġa’ ħafif lill-barman, li kiser il-paċifiku u li kien fis-sakra, nkapaċi li jieħu ħsieb lilu nnifsu f’post pubbliku.
Caruana kien akkużat ukoll li sar reċediv u li kiser il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja. L-ispettur qalet lill-Qorti kif l-għassa ta’ Birzebbugia rċeviet rapport dwar l-inċident ilbieraħ fis-7:30 pm. L-akkużat kien talab drink fil-bar ta’ Marsaxlokk, iżda l-barman kien irrifjuta għax jidher ċar li l-akkużat kien diġà fis-sakra.
Caruana wieġeb billi ta daqqa ta’ ponn lill-barman u għamel ħsara fl-umbrelel ta’ barra li jappartjenu lill-istabbiliment. Il-vittma qal ukoll lill-pulizija li kien ra arma f’id Caruana, li wieġeb mhux ħati tal-akkużi. Huwa ngħata il-libertà proviżorja kontra depożitu ta’ €2,500 u garanzija personali ta’ €3,000, bil-Qorti tordnalu wkoll biex jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija tliet darbiet fil-ġimgħa, josserva curfew u jżomm id-distanza tiegħu mill-bar in kwistjoni.
//= $special ?>