Permezz ta’ stqarrija l-Kummissjoni Elettorali tavża lill-votanti li huma rreġistrati fuq Għawdex u jixtiequ li jiġbru d-dokument għall-votazzjoni tagħhom minn Malta u, viċi versa, lill-votanti li huma rreġistrati Malta u jixtiequ li jiġbru d-dokument għall-votazzjoni tagħhom minn Għawdex li għandhom jagħmlu t-talba bil-miktub tagħhom malajr kemm jista’ jkun. Il-Kummissjoni Elettorali tħeġġeġ lil min se juża dan is-servizz biex ma jħallix sal-aħħar jum (6.00 p.m. tal-24 ta’ Marzu, 2022) minħabba li jekk ikun hemm ċirkostanzi li mgħandhiex kontroll fuqhom (eż. maltemp) ma jkunx possibbli li d-dokument jinġieb fil-ħin legali stabbilit.
Importanti ħafna li t-talba ssir fuq bażi personali jew permezz ta’ email fuq maltagozo.electoral@gov.mt jew permezz ta’ formola, liema formola tista’ tintbagħat jew b’mod personali jew permezz ta’ email.
Id-dokumenti f’Malta jinġabru mill-Kumpless tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar u dawk f’Għawdex mill-Uffiċċju tal-Karta tal-Identita’ fir-Rabat, Għawdex. Id-dati tal-ġbir ikunu mill-21 sal-24 ta’ Marzu, 2022 u dan isir personali mill-votant billi juri l-Karta tal-Identità.
//= $special ?>