F’nofs l-aħħar ġimgħa tal-kampanja elettorali, il-Leader tal-Labour ħass li kellu jilgħab home b’attivita taħt Tinda quddiem il-Knisja ta’ Raħal il-Ġdid, iddominata minn appoġġ għal Jonathan Attard – magħżul direttament minn Robert Abela biex ikun fil-Parlament – biex jidher anqas l-appoġġ għad-Deputy Leader Chris Fearne, li f’dawn l-erba’ ġimgħat u nofs ħammar mhux ftit wiċċ il-Leader.
U jekk l-intenzjoni ma dehritx ċara biżżejjed fl-introduzzjoni tal-Kandidati, Abela kkonfermaha meta qal li jrid Grupp Parlamentari li skont hu jkun b’saħħtu.
Dan anke biex ittenni li l-għażliet li għamel hu fis-sentejn li għaddew kienu l-aħjar għalih.
“Se jkolli bzonn, iva, Grupp Parlamentari b’sahhtu.”
Fid-diskors tiegħu, Abela nfexx jinsisti li l-Labour hu l-futur tal-pajjiż, ftit sigħat biss li l-istess Abela approva d-diskors ta’ Tony Zarb, fil-kwartieri tal-General Workers Union.
Minkejja li nqabad kemm-il darba fuq sieq waħda ma jafx jispjega l-manifest elettorali li ħareġ 3 ġimgħat tard, Robert Abela mhux biss innega dan:
“Bdejna noħorġu l-proposti fl-ewwel mument.”
Iżda anki qal li qatt ma nqabad fuq sieq waħda:
“Ħasbu li jistgħu jaqbduna fuq sieq waħdu.”
Dan minkejja li ma kellux idea ta‘ x’qed joffri l-Partit tiegħu stess, bħal meta l-Labour wiegħed li għajnuniet futur f’każ ta‘ sfidi futuri, jingħataw b’dejn mal-Gvern stess.
Issokta ukoll l-attakk fuq il-predeċessur tiegħu, Robert Abela, minkejja li poġġa lilu nnifsu bħala l-kandidat tal-kontinwità, issa jrid jinqata‘ mill-madmad ta‘ Joseph Muscat:
“Jien ma rridx nerġa‘ mmurr lura għall-passat.“
Intant, qabel il-Leader, tkellem biss il-Ministru Laburista, Aaron Farrugia, li filwaqt li tfixkel mhux ftit waqt li kien qed jaqra, spikka l-attakk fuq il-kandidati l-oħra fuq is-7 Distrett:
“Ma nistgħux naċċettaw lil min jitfa‘ l-ekonomija lura.“
Dan b’referenza għall-kandidat Laburista, Silvio Schembri, li fi żmien li mexxa l-ekonomija bħala Ministru, tefa‘ l-ekonomija ta‘ pajjiżna fil-greylist, Ministru li huwa frisk minn skandlu, dak ta‘ promotion lil martu billi żieda €14,000 għal salarju ta‘ €50,000 fil-Malta Business Registry.
//= $special ?>