Elezzjoni 2022 Lokali

Abela jibqa’ jaħrab milli jippubblika r-rapport dwar il-valur veru tal-villa kbira li xtara fiż-Żejtun

Ftit jiem qabel l-elezzjoni ġenerali, il-Leader tal-Labour Robert Abela għadu ma jridx jippubblika r-rapport li ġie ppreżentat lill-Kummissarju tat-Taxxa dwar il-valur veru tal-villa kbira li xtara f’zona barra mill-iżvilupp fiż-Żejtun.

Dan hekk kif il-villa, li għaliha ħallas €600,000, illum hu stmat li tiswa aktar minn €2 miljun wara l-permessi li nħarġulha. Dwar dan, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech sfida lil Abela biex jippubblika dan ir-rapport ħalli jnaddaf ismu mill-passat tiegħu.

Iżda minkejja li issa għaddew aktar minn 48 siegħa minn dik l-isfida, Robert Abela qed iħossu skomdu jaċċetta li jippubblika r-rapport. Minflok, hu pprova jattakka lil Bernard Grech, minkejja li kien iċċertifikat mill-Kummissarju tat-Taxxa bi ħlas regolari tat-taxxa.

Id-deċiżjoni finali ta’ sanzjonar dwar il-villa ttieħdet fil-5 ta’ Lulju 2017, bil-kuntratt kien iffirmat minn Robert Abela u martu Lydia ħamest ijiem biss wara. U dan wara li l-Awtorità tal-Ippjanar – meta Abela kien Konsulent Legali – aċċettat sanzjonar tal-propjetà kontra xogħolijiet irregolari li kellha.

Sal-lum, ghadu mhux ċar kemm il-Leader tal-Labour iddikjara l-valur tal-propjetà u allura jekk iddikjarax l-ammont propju jew jekk evadiex it-taxxa. Bl-istess mod li għadu sal-lum ma ppubblikax iċ-Ċertifikat tat-Taxxa tal-perjodu ta’ qabel sentejn ilu meta sar Leader tal-Labour wara li rebaħ il-ġlieda kontra Chris Fearne.