Il-Leader tal-Labour Robert Abela indirizza lill-anzjani fil-bini tal-General Workers Union f’attività ddominata minn attakki kontinwi kontra l-Partit Nazzjonalista u kontra Bernard Grech, kif ukoll peruni u entitjiet li ma jaqblux mal-Labour.
Matul l-attività spikka l-intervent tal-eks Segretarju Ġenerali tal-Union, Tony Zarb, li saħansitra qabbel lill-Partit Nazzjonalista ma’ ġerħa li ddum biex tgħaddilek. L-istess Tony Zarb li, meta kien fit-tmexxija tal-Union, organizza ħafna attivitajiet tal-massa bil-barka tal-Labour sempliċiment biex jagħmel il-ħsara lill-Gvern Nazzjonalista, f’perjodu meta pajjiżna u l-kumplament tad-dinja kienu qed jiffaċċjaw l-isfidi li ġabet magħha l-kriżi ekonomika internazzjonali.
Fis-sala ewlenija tal-Union li tpinġi lilha nnifisha bħala waħda indipendenti, Tony Zarb appella għal aktar minn darba għal vot favur il-Labour u, għalkemm hu nnifsu hu sinonimu mal-passat aggressiv tal-Union u tal-Labour, tkellem dwar il-futur, filwaqt li għalaq l-intervent tiegħu bi slogans tal-passat.
Min-naħa tiegħu, Robert Abela kompla bir-retorika u l-messaġġi negattivi quddiem folla isterika, fejn ma naqasx l-għajjat ta’ “Viva l-Labour” u ibbujar għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Messaġġi politiċi waslu mis-Segretarju Ġenerali attwali tal-GWU Josef Bugeja, li minkejja kull tentattiv li għamel fl-aħħar snin biex jipprova joħroġ lill-Union bħala waħda distakkata mill-politika partiġġjana, ippermetta li ssir din l-attività fis-sede uffiċjali tal-Union.
Hu spjega li l-GWU kienu parteċipi f’numru ta’ wegħdiet li ressaq il-Labour fil-Manifest Elettorali tiegħu, għalkemm naqas milli jgħid jekk kienx hemm l-istess impenn fit-tfassil tal-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista. U dan meta, bħala Segretarju Ġenerali, hu aċċetta wkoll li l-Union terġa’ tiżżewweġ mal-Labour, bl-appelli ċar u diretti biex il-membri tagħha jivvotaw lil-Labour.
//= $special ?>