Lokali

Il-Gvern jibqa’ jaħbi kemm swietna s-serata biċ-ċoff tal-Ministru tal-Malta Film Awards

It-trasparenza tal-Gvern Laburista hija tali li t-tieni talba permezz tal-liġi li tirregola d-dritt sagrosant għall-informazzjoni – jew kif magħrufa aħjar il-Freedom of Information Act – dwar in-nefqa fuq il-Malta Film Awards ġiet irriffjutata wkoll.

Ġimgħa ilu, il-Gvern għalaq il-bieb fuq it-talba tat-Times of Malta dwar kemm kien nefaq fuq il-Malta Film Awards u il-Malta Film Festival.  Xahar u nofs wara li ttellgħet is-serata ekstravaganti tal-Awards, il-Kummissjoni qalet lit-Times li ‘għadha qed tiġbor l-ispejjeż’,

Issa, tmint ijiem wara l-iskuża tal-Gvern bi tweġiba għat-tieni talba identika – din id-darba mill-Malta Independent – għaldaroħra hi li ‘għadhom qed jiġbru d-dokumenti’.

Dan jistona ma’ dak li qalilna l-Ministru Bartolo fl-aħħar ġimgħat li ċ-ċifri lesti tant li ma laħaqx preżentahom biss għax laħaq għalaqlu l-Parlament.

L-istess Ministru li dakinhar tal-Awards iddandan biċ-ċoff fuq il-palk tal-MCC ilu l-ġimgħat jipprova jgħaddi ż-żmien bil-ġurnalisti.

Il-budget oriġinarjament allokat għal din is-serata kienet ta’ €400,000. Ċifra li tant darrset lil dawk fis-settur li kienu diversi l-producers li bbojkottjaw dan l-avveniment. Wieħed issa jistenna li jiġu ppreżentati d-dettalji u l-irċeuvti ta’ kemm swiet lill-ħaddiem Malti is-serata biċ-ċoff għall-Ministru.