Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: Il-President Zelensky fiduċjuż li r-Russja riesqa lejn disfatta militari kbira

 

Il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, waqt indirizz bil-videolink lill-Parlament Taljan qal li r-reżistenza ta’ pajjiżu qed tkun effettiva ħafna minkejja t-telf ta’ ħajja fost il-popolazzjoni ċivili.

Intant, kliemu qed jindika li l-qawwiet tar-Russja jistgħu dalwaqt jaslu f’punt fejn ma jkunux jistgħu jsostnu l-invażjoni tal-artijiet Ukreni bl-istess intensità – b’sitwazzjoni bħal din tkun tfisser disfatta kbira għall-Kremlin ta’ Moska u l-President Russu Vladimir Putin.

Madankollu, Zelensky ħareġ bit-twissija allarmanti li ‘il-qawwiet Russi jridu jinfiltraw l-artijiet tal-Ewropa’ – fosthom il-pajjiżi Baltiċi ( l-Estonja, l-Latvja u l-Litwanja) u possibbilment il-Polonja. Il-Mexxej Ukren, intant, insista biex il-pajjiżi tal-Punent ma jieqfux bis-sanzjonijiet fuq it-Tmexxija f’Moska.

‘Għat-truppi Russi, l-Ukrajna sservi bħala l-bieb li jagħti għall-Ewropa iżda hu d-dmir tal-Ewropej kollha li jirreżistu l-barbariżmu’, qal Zelensky Il-Prim Ministru Taljan Mario Draghi wieġeb ‘bix-xewqa’ li jara lill-Ukrajna bħala membru tal-Unjoni Ewropea waqt li sostna li l-Italja u l-Istati tal-UE iridu jkomplu joffru l-għajnuna militari lill-Ukreni ħalli jieqfu l-massakri f’pajjiżhom.

Fl-istess ħin Zelensky kellem lill-Papa Franġisku u ssuġġerixxa li l-Vatikan għandu rwol importanti x’jilgħab bħala medjatur fil-konflitt tal-Ukrajna. Hu informa lill-Papa dwar is-sitwazzjoni umanitarja diffiċli fl-Ukrajna u kif it-truppi Russi qed jimblukkaw ir-rotot għaċ-ċivili biex jaħarbu mill-battalji.